Il-ġurnal The Malta Independent kien ordnat iħallas eluf ta’ ewro liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, lil Malcomn Scerri u lil Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT, wara li dawn rebħu żewġ libell li kienu fetħu kontra l-istess ġurnal minħabba artiklu li fi kliemhom kien libelluż u malafamanti.
Huma kienu fetħu l-libell kontra Pierre Portelli, David Lindsay u Stephen Calleja li meta kien ippubblikat l-artiklu kienu l-edituri tal-ħarġa tal-Ħadd tal-ġurnal.
Ir-rapport li dwaru nfetħu l-libelli kien jgħid li HSBC Bank Malta kien se jinvestiga l-preżentazzjoni ta’ dokumenti foloz li jinvolvu lil Schembri u Malcomn Scerri, il-General Manager ta’ Kasco Ltd.
Il-ġurnal kien qed isegwi blogg ippubblikat minn Daphne Caruana Galizia.
Ir-rapport kien jitfa’ dubju fuq il-validità taż-żewġ rapport tal-HSBC, biex Schembri u Scerri jiftħu kumpaniji barra minn Malta, għax il-letterhead tagħhom kienet tinkludi l-isem ta’ fergħa tal-bank li kienet ingħalqet.
Fiż-żewġ libelli, il-Maġistrat Francesco Depasquale saħaq li l-ġurnal iddeċieda li jippubblika b’mod sħiħ l-allegazzjonijiet li kienet għamlet Daphne Caruana Galizia u insista li l-edituri setgħu faċilment jieqfu mal-ewwel paragrafu tal-blogg oriġinali, li skont il-Maġistrat kien jinkludi l-uniku “investigazzjoni” li l-ġurnal kien għamel qabel ma rriproduċa dak li kien diġà pubbliku minn jiem qabel.
Il-Qorti saħqet li l-intenzjoni tal-awtur ma kienx li jinforma lill-pubbliku fuq kwistjoni ta’ interess pubbliku iżda li jżomm mal-allegazzjonijiet li Schembri u Scerri użaw dokumenti foloz biex jiftħu kumpaniji barra mninn Malta.
“Pierre Portelli kien infurmat li kien jidher li dan kien sempliċiment żball amministrattiv, iżda dan id-dettall ma kienx inkluż fir-rapport u kien issemma biss tlett ijiem wara, meta l-ħsara kienet laħqet saret,” saħaq il-Maġistrat.
Il-Maġistrat imħasseb dwar il-kummenti tal-qarrejja
Il-Maġistrat innota wkoll li s-sit kien ħalla terzi persuni biex iħallu kummenti taħt l-artiklu u li wħud minnhom kienu jisħqu li Schembri u Scerri kienu involuti f’attivitá kriminali u anke f’iffalsifikar ta’ dokumenti.
Insista li l-ġurnal seta’ faċilment jidentifika lil dawk li ħallew dawn il-kummenti biex anke huma jwieġbu f’dawn iż-żewġ każijiet minflok “ma kkummentaw fil-kumdità ta’ djarhom wara t-tarka tal-kompjuter.”
Kompla jgħid li għandu “tħassib serju” dwar l-użu ħażin tal-comment boards u li fi kliemu qed jintużaw biex jheddu l-libertà tal-espressjoni.
“Filwaqt li kulħadd għandu dritt jesprimi l-opinjonijiet tiegħu, ħadd ma għandu d-dritt jiġġudika persuni u jallega fatti li jkunu foloz, mingħajr ma jiffaċċja l-konsegwenzi,” kompla l-Maġistrat.
Intant, il-Maġistrat ordna lill-ġurnal biex iħallas €5,000 u €3,000, rispettivament.