Tliet assoċjazzjonijiet ewlenin li jirrappreżentaw lil min iħaddem saħqu li d-deċiżjoni dwar is-sħubija f’unjin li tirrappreżenta lill-ħaddiema għandha titħalla f’idejn l-impjegat jew il-kumpaniji.
L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti qalu dan fi stqarrijia konġunta b’reazzjoni għad-diskors tal-Prim Ministru fejn semma l-possibbilità li l-impjegati jkunu obbligati li jissieħbu f’unjin.
Huma saħqu li d-dritt tal-assoċjazzjoni huwa parti essenzjali mid-direttivi kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjoni tax-Xogħol u dan l-istess dritt ifisser ukoll li l-impjegati jistgħu jagħżlu li jiddisasoċjaw ruħhom minn kwalunkwe unjin jew organizzazzjoni tal-impjegati.
“Is-sħubija obbligatorja ma żżid xejn mad-drittijiet tal-impjegat,” tkompli l-istqarrija.
Għal kuntrarju, l-organizzazzjonijiet saħqu li din il-proposta se tkun qed tnaqqar id-dritt tal-ħaddiem u filwaqt li saħqu li ma għandu jkun hemm l-ebda ostaklu li jfixkel id-dritt ta’ ħaddiem li jissieħeb f’unjin, fl-istess ħin id-deċiżjoni għandha titħalla f’idejh.