It-Taqsima Ħaddiema tal-Gvern, fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers ordnat azzjonijiet industrijali lill-ħaddiema li jaħdmu fid-Dipartiment tat-Taxxa u li jinkludu dawk li jaħdmu fit-Tax Compliance Unit (TCU), accountants, revenue officers u VAT inspectors.
L-azzjonijiet industrijali jidħlu fis-seħħ min-nhar it-Tnejn 5 ta’ Novembru fejn il-ħaddiema qed jintalbu ma jagħmlu l-ebda tip ta’ kommunikazzjoni bħal emails, ittri, komunikati bil-mowbajl, bit-telefonija fissa, ma jibagħtux faxes, ma jagħmlux fotokopji, ma jiltaqgħux mal-pubbliku u ma jipproċessawx kontijiet u aġġustament ta’ stimi.
Id-deċiżjoni ttieħdet għax skont il-UĦM hemm “dewmien esaġerat” min-naħa tal-amministrazzjoni kif ukoll min-naħa tal-Industrial Relations Unit (IRU) biex jiġu konklużi d-diskussjonijiet rigward il-proposti mressqa dwar il-ftehim settorali.
“Din it-Taqsima ma teskludix li tħarrax dawn l-azzjonijiet kemm il-darba ma tingħatax l-attenzjoni meħtieġa lil din is-sitwazzjoni u f’każ li l-amministrazzjoni tonqos milli tiġi bi proposti serji,” ittemm tgħid l-istqarrija.