Immigrazzjoni, ekonomija u l-Halloween...iż-żewġ diskorsi
Min huwa l-aqwa oratur? Liema diskors kien l-aktar effettiv? U liema kwistjonijiet kienu ħarbu minnhom? L-ILLUM tanalizza...
minn Albert Gauci Cunningham
Din il-ġimgħa tkellmu ż-żewġ mexxejja politiċi kif inhi t-tradizzjoni wara kull Baġit. Żewġ diskorsi illi, xi ftit jew wisq, juru fejn jinsabu ż-żewġ mexxejja f’termini ta’ viżjoni, djallettika politika u l-abbilità li jwasslu l-messaġġ tagħhom bl-aħjar mod.
F’din l-analiżi se nagħtu ħarsa lejn il-kontenut tad-diskorsi kif ukoll se nagħtu ħarsa lejn il-mod kif iż-żewġ mexxejja kkomunikaw il-messaġġ permezz tal-kelma u l-emozzjonijiet li qajmu matul id-diskors.
Adrian Delia; Titjib minn qabel, vag fuq l-immigranti u żelaq fuq il-White Paper
B’mod ġenerali d-diskors ta’ Adrian Delia mmarka titjib konsiderevoli mid-diskorsi fil-bidu tal-karriera politika tiegħu. Fil-fatt, interessanti kif taħt attakk minn Daphne Caruana Galizia u numru ta’ uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, Delia kien ħareġ pjuttost b’saħħtu. Minkejja dan wara li kien elett u allura ma baqax taħt attakk fil-pubbliku, il-grinta fid-diskorsi ntilfet u ħafna drabi beda jinstema’ xi ftit ‘legali’ żżejjed.
Id-diskors ta’ nhar it-Tnejn kien ġeneralment mexxej. Minkejja dan, it-ton tal-istess diskors kien pjuttost wieħed simili matul is-sagħtejn kollha u allura ftit li xejn kien hemm kien hemm tlugħ u nżul fit-tonalità. Ftit kien hemm mumenti illi d-diskors qajjem dik l-emozzjoni qawwija kif iqajjem diskors illi fih hemm tonalità li tinbidel skont l-emozzjoni. L-emozzjoni hija importanti f’diskors għax l-udjenza tħossha li hija parti minnu. Sfortunatament, f’punti partikolari d-diskors instema’ wisq sobriju u allura n-nies setgħu tilfu l-interess jew ma baqgħux attenti daqstant.
Dan apparti li Delia għadu nieqes mill-‘body language’ meħtieġ biex iżid mat-teatralità meħtieġa f’diskorsi politiċi.
Fejn jirrigwarda kontenut, id-diskors ta’ Delia kellu punti tajbin, oħrajn tajbin ħafna u oħrajn dibattibbli u populisti.
Delia, għamel aċċenn partikolari fuq il-kuxjenza soċjali u l-bżonn li l-Gvern iwieżen lill-vulnerabbli u lil min għandu bżonn l-għajnuna. “Nixtieq nirrappreżenta lin-nies” qal Delia filwaqt li ġab eżempji ta’ nies li hu jgħid li kellmuh u qalulu l-istejjer tagħhom. Dan juri 1) li Delia jixtieq illi jibni l-politika tiegħu madwar il-bżonn li tingħata għajnuna lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn u allura l-idea aktar xellugija li twieżen ‘liż-żgħir’ u 2) li l-laqgħat li Delia qed ikollu ma’ tant nies qed iħallu l-frott tagħhom hekk kif qed ikun iktar sensitizzat lejn l-uġigħ ta’ sezzjonijiet tal-popolazzjoni.
Imma kif ktibna diversi drabi dwar diskorsi oħrajn, li politiku ‘jifhem’ il-problema ta’ persuna ma jfissirx li dik il-persuna jew min jinsab f’dik il-pożizzjoni se jivvotalek, speċjalment meta għandek Gvern li qiegħed jew beħsiebu jindirizza dawn is-setturi tal-popolazzjoni. Pereżempju Delia semma persuna li kellha negozju, li għalaq. Naturalment wieħed jifhem illi din il-persuna ma tkunx għaddejja minn żmien tajjeb, imma min-naħa l-oħra 1) Delia, fid-diskors tiegħu ma offra ebda forma ta’ soljev lil min għadda mill-esperjenza u 2) Agħar minn hekk huwa deher li ma kienx infurmat bil-miżura mħabbra fil-Baġit illi permezz tagħha persuna bħal dik li kellmitu u li n-negozju tagħha kellha tagħlqu, għall-ewwel darba se tkun tista’ tapplika biex tieħu l-benefiċċji tal-qgħad filwaqt li tkun qed tirreġistra.
Dwar id-diskors ta’ Delia li tratta l-immigrazzjoni din il-gazzetta diġà għamlet analiżi, imma tajjeb li nirrepetu l-qofol ta’ dak l-analiżi hawn. Meta Delia jitkellem dwar l-immigrazzjoni jkun qed jolqot ferita partikolari li qed iddejjaq bosta votanti. Hija kwistjoni ta’ spazju, infrastruttura u kwistjoni wkoll ta’ ordni pubblika u drittijiet fil-qasam tax-xogħol. Minkejja dan Delia qed iħalli din il-kwistjoni fl-arja u mhux qed joffri soluzzjonijiet li jkunu ċari; X’se jagħmel? Se jagħlaq il-fruntieri biex ma jidħlux aktar immigranti? U jista’ jagħmlu dan? Kif se jispjega din l-azzjoni mal-Unjoni Ewropea? Se jitlob li jkun sospiż ix-Shengen? U l-istess hawn...u kif se jagħmel dan?
Jiġifieri ħafna drabi Delia qed imiss ferita imma qed ikun pjuttost vag dwar x’jagħmel hu kieku jkun fil-gvern.
F’kuntest ta’ stqarrijiet passati dwar nies mill-Pakistan u mill-Bangladesh kif ukoll dwar tfajliet li jkollhom trabi minn rġiel barranin, din l-aħħar stqarrija kienet meħuda minn ħafna bħala attentat ieħor xenofobiku ta’ Delia biex jipprova jbeżża’ bil-barranin, anke jekk mhux neċessarjament kienet hekk.
Delia jaf li fil-każ li jkun elett Prim Ministru se jkun pjuttost diffiċli illi jilħaq mal-aspettativa li qed jibni fi-rigward tal-barranin u allura jew issa jew inkella f’xenarju illi fih ikun Prim Ministru din il-kwistjoni tista’ tweġġa’ serjament lil Delia.
Delia kien b’saħħtu iktar fl-ambjent illi fih għal darb’oħra miss mal-kostruzzjoni li xi ftit jew wisq qed toħloq inkonvenjent għal tant nies filwaqt illi fakkar kif l-arja f’pajjiżna hija fost l-agħar fl-UE. Il-botta klassika li tgħid ‘int ħadt il-loqom u ħaddieħor ħa l-eluf’ dejjem taħdem, għax tqanqal is-sentiment tal-għira, anke jekk bħalissa qed taħdem bil-wisq inqas minn meta kienu għolew il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u meta l-kabinett ta lilu nnifsu żieda.
Naturalment, Delia kien b’saħħtu wkoll fejn il-Gvern kien dgħajjef, jiġifieri fuq il-kwistjoni tal-bejgħ ta’ tliet sptarijiet lill-VGH u nuqqasijiet infrastrutturali.
L-akbar żelqa ta’ Delia huwa l-mod kif tratta l-White Paper dwar il-kirjiet, daqslikieku ma kien fiha xejn. Il-kelma bl-Ingliż li tispjega l-attitudni ta’ Delia l-aħjar hija ‘dismissive’. Kien ikun aħjar, b’rispett lejn dawk kollha li ħadmu fuq dan id-dokument kieku l-Kap tal-Oppożizzjoni rrikonoxxa x-xogħol li sar fuq id-dokument u kkritika ċertu punti tal-White Paper. Seta’ ta indikazzjoni aħjar ta’ x’jaħseb li għandu jkun il-perjodu minimu jew fejn setgħet kienet aktar dettaljata l-White Paper jew fejn ma jaqbilx u b’hekk kien ikun ta kontribut importanti għal diskussjoni neċessarja. Minflok uża din l-opportunità biex juri illi hu kapaċi jipproponi u jifhem is-sitwazzjoni aħjar mill-Gvern u politikament jirbaħ lill-Gvern fit-territorju tiegħu, ħlieha meta kważi ddieħak bid-dokument.
Joseph Muscat: Oratrija eċċellenti b’ekonomija favurih u xi ftit ta’ Halloween żejjed
Li Muscat huwa oratur tajjeb jammettiha kulħadd. Id-diskors ta’ nhar it-Tlieta kien wieħed mill-aħjar tiegħu.
Primarjament, Muscat rabba ċerta kunfidenza li titrażmetti ruħha f’enerġija u tonalità li, kuntrarjament għal Delia, titla’ u tinżel b’punti fid-diskors li jqajmu l-emozzjoni meħtieġa.
Muscat għandu t-teatralità meħtieġa li tanima d-dibattitu tiegħu b’botti kontinwi u sarkażmu, li naturalment min ma jarax għajn m’għajn miegħu jdejqu. Dan ifisser illi huwa iktar faċli li Muscat iżommok tarah b’attenzjoni milli Delia.
Issa niġu għall-kontenut. Muscat qed imexxi lil pajjiżna hekk kif għaddej tkabbir ekonomiku qawwi ħafna xprunat minn bosta fatturi relatati jew separati mill-Gvern li jmexxi. Dan l-andament qawwi u ċerti miżuri li daħħal il-Gvern wasslu għal sitwazzjoni fejn Muscat seta’ jroxx kemm jiflaħ. Il-miżuri kollha li ħabbar dan il-Gvern fl-aħħar seba’ Baġits wasslu jew 1) għal tkabbir ekonomiku u tkabbir fl-infieq privat (First u Second Time Buyers, tnaqqis fit-taxxa, ċekkijiet, żidiet fil-pensjoni, żieda fiċ-Children’s Allowance...) jew inkella 2) għal tkabbir fil-qasam tax-xogħol (child care b’xejn, In Work Benefit u t-tapering tal-benefiċċji).
Dan kollu jfisser illi Muscat jinsab f’sitwazzjoni ta’ vantaġġ qawwi. Jaf li bħalissa hawn sentiment ġenerali pożittiv dwar l-ekonomija tal-pajjiż u qed jirkeb fuqha bl-akbar faċilità. Muscat għalhekk kien ferm konvinċenti meta tkellem dwar miżuri u l-pakkett finanzjarju lill-familji, anke jekk it-tqabbil mal-Halloween u r-referenza għat-‘trick or treats’ setgħet kienet interpretata bħala infantili. Muscat irid joqgħod attent li ma jitrivjalizzax il-miżuri pożittivi tiegħu stess bi tqabbil mhux mixtieq. ‘Baġit mimli treats’, partikolarment bil-kelma ‘treats’, jista’ jagħti stampa ta’ Gvern li jara l-miżuri li qed iħabbar bħala ċejċa u allura dik it-tixbiha setgħet faċilment infthiemet ħażin.
Muscat kellu argument pjuttost loġiku f’dak li jidħol il-barranin fis-sens li hija realtà li ħafna barranin qed jagħmlu xogħol li l-Maltin ma jridux jagħmlu. Id-diskors tiegħu iżda falla milli jindirizza jew iserraħ ras in-nies biżżejjed li 1) dawk li qed jiġu pajjiżna se jkunu mħarsin skont il-liġi tax-xogħol u allura jinqata’ kull forma ta’ abbuż u żvantaġġ fil-konfront tal-Malti kif ukoll 2) li l-Gvern qed jippjana biex l-infrastruttura, imma speċjalment it-trasport pubbliku, ilaħħaq mad-domanda dejjem tikber. Apparti dawk li huma razzisti, hemm inkwiet ġenwin ta’ ffullar eseġerat u infrastruttura li mhux qed tlaħħaq, li jeħtieġ ikun indirizzat.
Muscat kien b’saħħtu ħafna meta kien qed jirreferi għaċ-ċifri li kien hemm fid-dokument tal-Baġit tal-PN u li jikkuntrarjaw ċifri li semma’ l-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġurnata ta’ qabel. Issa anke jekk iċ-ċifri fid-dokument tal-PN kienu naqra ‘antiki’ u setgħu ma kinux l-aħħar, il-botta dwar kienet b’saħħitha u effettiva, tant illi ħalliet ħafna wċuħ fuq in-naħa l-oħra pjuttost imgerrfxa. Kif kienet b’saħħitha wkoll il-botta dwar il-miżuri li reġgħu tħabbru din is-sena. Is-sigriet ta’ botta tajba f’diskors dejjem hija li ma tkunx prevedibbli. Allura qabel ħabbar illi n-numri kunfliġġenti ma’ dak li qal Delia kienu fil-fatt f’dokument tal-PN, dan il-fatt ma kienx prevedibbli, kif forsi kien inqas prevedibbli biex ħiereġ Muscat meta ammetta li dan il-Baġit huwa verament riċiklat. Dan it-tip ta’ logħob bil-lingwaġġ huwa importanti ħafna fl-arti tal-oratrija u Muscat jidher li ħaddmu biex ikollu effett massimu.
Naturalment il-Prim Ministru ħalla barra ċerti kwistjonijiet fejn jaf illi mhux b’saħħtu, fosthom dwar il-kwistjoni tal-Panama u l-VGH. Minkejja illi Muscat jaf li ma tantx għandu munizzjon, speċjalment fuq il-każ VGH, jaf ukoll illi dawn il-kwistjonijiet ma tantx jiddetereminaw fejn imur il-vot popolari meta l-ekonomija tkun sejra tajjeb, kif rajna fir-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali.