'L-Intelliġenza Artifiċjali tista' tbiddel il-mod kif ngħixu' - PM
Joseph Muscat ħa sehem waqt l-ewwel expo internazzjonali f’Shanghai, iċ-Ċina
More in Politika
Joseph Muscat ħa sehem waqt l-ewwel expo internazzjonali f’Shanghai, iċ-Ċina
“Illum it-teknoloġija u l-innovazzjoni qed ikunu muturi ewlenin li qed jixprunaw l-ekonomija Maltija f’kull qasam.”
Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li kien qiegħed jindirizza l-Forum tal-Kummerċ u l-Innovazzjoni waqt l-ewwel expo internazzjonali f’Shanghai, iċ-Ċina, f’panel flimkien mal-fundatur ta’ Microsoft Bill Gates u l-fundatur ta’ Alibaba Jack Ma.
Waqt il-kummenti tiegħu, il-Prim Ministru insista li pajjiżi żgħar u li jistgħu jmexxu u jbiddlu b’mod aktar veloċi, qed ikunu mgħejjuna ħafna permezz tal-innovazzjoni u insista li din hija esperjenza li għaddejja minnha Malta.
Fakkar kif il-ġimgħa l-oħra daħlu fis-seħħ f’Malta l-ewwel liġijiet tax-xorta tagħhom fl-Unjoni Ewropea u fid-dinja, liġijiet li jirregolaw is-settur tal-blockchain waqt li insista li l-kumpaniji li proprju joperaw bil-blockchain ifittxu huma stess li jkun hemm regolarizzazzjoni li toffri aktar serħan tal-moħħ.
Huwa semma’ wkoll il-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali u stqarr li din it-teknoloġija għandha l-potenzjal li tbiddel mhux biss il-qasam tax-xogħol iżda l-ħajja li ngħixu b’mod ġenerali.
Il-Prim Ministru saħaq li hemm bżonn diskussjonijiet dwar is-suġġett, fosthom dwar x’se jkunu l-ħiliet u l-livelli edukattivi meħtieġa fil-futur fiż-żmien fejn il-magni se jkunu qed jagħmlu dak li qed jagħmel il-bniedem illum.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega kif l-aktar argumenti popolari u li qed jirreżistu t-teknoloġija artifiċjali huma l-istess argumenti li wieħed jisma’ kontra l-kummerċ ħieles u kontra l-moviment liberu tan-nies. “Argumenti li s-sentiment ewlieni tagħhom huwa xprunat mill-biża',” stqarr Dr Muscat.
Temm jisħaq li l-piż ta’ din l-isfida m’għandux jintrefa’ minn pajjiż, korporazzjoni, jew kontinent waħdu u tenna li l-Intelliġenza Artifiċjali għandha tkun imexxija minn qafas regolatorju dinji.
Intant, il-Prim Ministrut ar kumpanija Maltija bbażata f’Shanghai, iċ-Ċina, bl-isem ta’ Base Malta, li tiffaċilita l-kummerċ bejn kumpaniji Maltin u dawk Ċiniżi. Huwa inawgura uffiċċji ġodda li din il-kumpanija għadha kemm ittrasferit fihom.