Kważi sitt miljun passiġġier jgħaddu mill-Ajruport minn Jannar sa issa
Tkabbir pożittiv, speċjalment fis-Sajf, b'żidiet qawwijin ta' Ispanjoli li ġew pajjiżna
More in Politika
Tkabbir pożittiv, speċjalment fis-Sajf, b'żidiet qawwijin ta' Ispanjoli li ġew pajjiżna
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kompla jirreġistra riżultati pożittivi, bit-traffiku tas-sena sa issa jilħaq il-5,939,436 moviment tal-passiġġieri. Din iċ-ċifra tindika li, sal-aħħar tal-2018, l-ajruport ser jirnexxilu jilħaq is-6.8 miljun moviment tal-passiġġieri mbassrin aktar kmieni din issena.
Is-sajf li għadda, li kien l-aktar wieħed impenjattiv għat-tim tal-Ajruport ta’ Malta sa issa, kien kontributur importanti għal dan it-traffiku għas-sena sa issa. Żieda ta’ 12.2% fin-numru ta’ passiġġieri fix-xhur tas-sajf – minn April sa Ottubru – ġiet osservata b’mod parallel ma’ żieda ta’ 13.4% fil-movimenti tal-ajruplani u żieda ta’ 13.7% fis-sits disponibbli fuq it-titjiriet. Dan it-titjib irriżulta prinċipalment minn skeda tas-sajf imtejba u li kienet toffri għażla ta’ aktar minn 100 destinazzjoni għall-istaġun.
“Ir-riżultati tat-traffiku għas-sena sa issa huma pjuttost eċċezzjonali, speċjalment meta tqis li ssena li għaddiet is-sitt miljun passiġġier intlaqa’ proprjament fl-aħħar jum tal-2017. Filwaqt li s-sajf issa ġie fi tmiemu, aktar minn 12-il rotta ser ikunu offruti anki fil-perjodu tax-xitwa u ġew introdotti wkoll frekwenzi mtejbin fuq għadd ta’ rotot oħrajn. Ix-xhur li ġejjin jidher li ser iżommuna okkupati ferm; ħaġa li tawgura tajjeb għall-ħidma kostanti tagħna sabiex Malta tkun tista’ tgawdi minn turiżmu tul is-sena kollha,” qal is-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg.
L-aqwa swieq tul ix-xhur tas-sajf kienu r-Renju Unit (+14.9%), l-Italja (+15.1%), il-Ġermanja (2.3%), Franza (+12.5%), u Spanja (+44.5%). It-titjib notevoli fis-suq Spanjol jista’ jiġi attribwit għat-tnedija ta’ tliet rotot ġodda fis-sajf; Malaga, Sevilla u Bilbao, bl-ewwel tnejn jiġu estiżi fixxhur tax-xitwa.
Id-destinazzjoni l-aktar popolari mal-Maltin is-sajf li għadda kienet l-Italja, b’Catania u Ruma jkunu l-aktar żewġt ibliet imfittxija. Dawn iż-żewġt ibliet ser jibbenefikaw minn erba’ titjiriet addizzjonali fil-ġimgħa kull wieħed tul il-perjodu tax-xitwa kollu; titjib li żgur ser ikompli jsaħħaħ il-popolarità ta’ dawn ir-rotot mal-pubbliku lokali.
Ottubru, li jġib fi tmiemu s-sajf għall-industrija tal-avjazzjoni, kiber bi 8.4% sabiex matulu ġew irreġistrati 646,559 moviment tal-passiġġieri