Analiżi | Jitlaq, jibqa' jew ineħħuh? Ħames xenarji quddiem Adrian Delia
Adrian Delia reġa’ fl-aħbarijiet. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn ħames xenarji politiċi u kif dawn jiddeterminaw il-futur tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Jibqa’, jitlaq jew ineħħuh?
minn Albert Gauci Cunningham
Adrian Delia; min iridu jibqa’ u min iridu jitlaq. Ftit iktar minn sena minn meta kien demokratikament elett Kap tal-Partit Nazzjonalista, jidher li t-tmexxija tiegħu għadha qed tkun sfidata, anke jekk minn grupp li forsi ċkien minn sena ilu sal-lum. Din il-ġimgħa sezzjoni tal-midja kienu dominati minn verżjonijiet kuntrastanti tal-pożizzjoni bil-gazzetta oħt Maltatoday tgħid li Deputati Nazzjonalisti qed jikkunsidraw li jpoġġu lil Louis Galea bħala Kap interim sakemm jinstab xi ħadd li ‘jgħaqqad lill-partit’ filwaqt li The Malta Independent flimkien mat-Times of Malta rrappurtaw illi Delia se jibqa’ Kap tal-partit.
F’kuntatt mal-gazzetta ILLUM kelliem għall-Partit Nazzjonalista wkoll qal li Delia qiegħed hemm biex jibqa’ “sal-aħħar.”
Imma allura se jirreżenja jew le Delia? Jaqbillu jistenna? Jaqbillu jibqa’ sal-elezzjoni ġenerali? U x’inhu r-riżultat ‘suċċess’ li jista’ jiggarantilu erba’ snin ta’ tmexxija? L-ILLUM tħares lejn ħames xenarji illi għandu quddiemu Adrian Delia, strettament fuq il-futur tiegħu bħala Kap, inqas minn sitt xhur qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Xenarju 1: Delia jibqa’ Kap sal-elezzjoni ġenerali li jmiss, minkejja telfa fl-elezzjoni tal-MEPs
Dan ix-xenarju huwa l-aktar wieħed li dawk li jappoġġjaw lil Delia l-aktar li jixtiequ illi jseħħ. Fil-fatt, teknikament, Delia għandu dritt demokratiku li jibqa’ sal-elezzjoni ġenerali li jmiss u jekk jitlef dik l-elezzjoni biss joffri r-riżenja tiegħu għall-kunsiderazzjoni tal-Kunsilliera.
Delia fil-fatt, anke f’intervista ma’ din il-gazzetta, kien sostna illi l-pjan tiegħu huwa wieħed ta’ ħames snin u li l-elezzjoni tal-MEPs is-sena d-dieħla mhijiex daqstant importanti għalih, mhijiex xi test kbir ħafna.
Dan ix-xenarju jista’ jkun jew pożittiv jew dannuż għal Delia. Pożittiv għax 1) Delia jingħata erba’ snin minn issa biex ikompli jipprova jikkonvinċi lil aktar Nazzjonalisti li huwa l-Kap idoneu u jkollu iktar żmien biex jipprova jikkonvinċi aktar switchers u votanti li se jivvutaw għall-ewwel darba li hu kapaċi jkun alternattiva tajba. Hija pożittiva wkoll għax 2) qed tikkunsidra l-possibilità li Joseph Muscat ma jibqax imexxi l-Partit Laburista u allura x-xenarju politiku jinbidel, bil-possibilità li Delia jgawdi minn dan it-tibdil .
Imma tista’ tkun dannuża wkoll jekk 1) Delia jibqa’ ma jikkonvinċix li huwa l-Kap idoneu li jista’ jmexxi lill-Partit Nazzjonalista lejn rebħa għax jgħaqqad lill-istess partit. Jekk ma jseħħx dan, il-PN jispiċċa f’sitwazzjoni staġnata, fejn iż-żewġ gruppi (favur li Delia jibqa’ u kontra) jibqgħu jżommu din il-pożizzjoni, u l-appoġġ lejn Delia fil-partit stess jibqa’ wieħed li mhux qed jilħaq il-massimu. Dan ikun ifisser li ċ-ċans li Delia jirbaħ jibqa’ wieħed żgħir. F’każ estrem ħafna, għalkemm possibbli, jekk il-ġerħa tibqa’ ma tiddewwiex tista’ twassal għal a) formazzjoni temporanja ta’ grupp politiku li jgħaqqad lil dawk l-eluf li jiffurmaw il-grupp ta’ Nazzjonalisti diżillużi b’affinità qawwija lejn Daphne Caruana Galizia jew b) jista’ jkun hemm vot ta’ protesta kontra Delia fl-elezzjoni ġenerali li jmiss li jwassal biex il-ħtija kollha ta’ telfa kbira tintefa’ fuq Delia u n-narrativa fl-2022 tkun li dan missu warrab wara telfa fl-2019.
Xenarju 2: Delia jibqa’ Kap sal-elezzjoni ġenerali li jmiss, wara riżultat tajjeb fl-elezzjoni tal-MEPs
Xenarju illi bħalissa ma tantx qed jidher probabli, imma li huwa possibbli huwa dak ta’ riżultat pjuttost ‘tajjeb’ għall-PN fl-2019.
Ta’ min wieħed jispeċifika, illi minħabba d-distakk enormi fl-aħħar elezzjoni tal-MEP’s (33,677) kif ukoll minħabba d-distakk bejn iż-żewġ partiti fl-aħħar elezzjoni ġenerali (kważi 40,000 jekk tneħħi, il-voti tal-Partit Demokratiku), riżultat tajjeb għall-PN, għall-fini ta’ dan l-analiżi, huwa jew 1) rebħa leġittima ta’ 50%+1 voti li huwa xenarju remot ħafna jew inkella 2) tnaqqis konsiderevoli tad-distakk għal kwalunkwe ammont li jiġi man-nofs tad-distakk tal-aħħar elezzjoni tal-MEPs, jiġifieri distakk ta’ bejn 12,000 u 17,000.
Xenarju bħal dan jagħti spinta qawwija lil Delia. Anke jekk ikollu ħafna x’jaqdef, riżultat bħal dan ikun l-akbar ċertifikat tal-progress fil-popolarità ta’ Delia.
Riżultat li jnaqqas id-distakk bin-nofs jagħti s-saħħa lil Delia biex jibqa’, probabilment jibda jmewwet ħafna mill-oppożizzjoni lejh, jagħti aktar leġittimità lil Delia u aktar minn kollox jerġa’ jinġetta t-tama f’għeruq li huma diżilużi u li ftit għandhom ħeġġa.
Xenarju 3: Delia jirriżenja issa u tibda tiġrija oħra għal kap ġdid
Dan huwa l-inqas xenarju mixtieq minn dawk qrib Delia għal bosta raġunijiet, fosthom personali. Ironikament din taf tkun l-aħjar għażla għal Delia, f’każ illi hemm jistennewh telfiet kbar. Dan għaliex ma jkunx iffaċċjat b’test li s’issa jidher illi se jitlef bil-qawwi (Kalkulazzjonijiet konservattivi qed juru differenza ta’ madwar 50,000 vot bejn il-partiti). Apparti minn hekk il-qilla ta’ settur ta’ Nazzjonalisti kontra ċerti deputati Nazzjonalisti tiħrax tista’ għaliex iwaħħlu fihom għar-riżenja prematura ta’ Delia.
B’hekk Delia jkun neħħa telfa minn fuq spaltu, it-tort tat-telfa minn dawk li se jitfgħuha fuqu u jkun poġġa r-responsabilità kollha fuq dawk li ma jriduhx b’ċans qawwi li dawn ma jerġgħux ikunu eletti fil-Parlament.
Però dan ix-xenarju jkun ifisser ukoll li Delia jitniżżel bħala l-inqas Kap tal-Partit Nazzjonalista li dam Kap, l-uniku wieħed li qatt ma ffaċċja l-ġudizzju tal-poplu u t-tieni wieħed li qatt ma sar Prim Ministru. F’każ illi jseħħ dan ix-xenarju l-wirt li jħalli warajh jew li għalih se jitfakkar Delia se jkun minimu jekk mhux negliġibbli. Dan ikun ifisser illi ismu se jintesa malajr. L-ebda politiku ma jrid li għall-ġenerazzjonijiet futuri jkun biss baħħ u allura l-probabilità hija li fil-fatt (kif qal magħna l-Kelliem tal-PN) se jibqa’ sal-aħħar biex għallinqas ikun prova u jitfakkar għall-ħidma tiegħu fil-partit.
Dan minkejja li fatti li sfortunatament ħarġu riċentement dwar l-istat taż-żwieġ tiegħu faċilment ituh l-għodda għal ħruġ dinjituż mill-politika.
Xenarju 4: Riżultat ħażin f’tal-MEPs u jitlaq
Xenarju ieħor huwa li minflok jibqa’, Delia jitlaq wara riżultat ipotetikament ħażin ħafna s-sena d-dieħla.
Fil-verità dan ix-xenarju huwa kemm tajjeb, kif ukoll ħażin.
Huwa tajjeb għax se jidher jew se jippreżenta lilu nnifsu bħala Kap li refa’ responsabilità politika.
Min-naħa l-oħra iżda hija negattiva għaliex telfa kbira s-sena d-dieħla titfa’ r-responsabilità tar-riżultat fuqu u tagħti munizzjon qawwi lil dawk li ma jirduhx jibqa’. B’riżultat ħażin qed nifhmu illi d-distakk ta’ 33,677 fl-2014 jibqa’ l-istess jew jikber.
In-narrattiva se tkun illi l-PN reġa’ m’għamilx progress elettorali, biex issa jkun ilu ma jagħmel progress elettorali tanġibbli mill-2009, l-ewwel elezzjoni li fiha Joseph Muscat kien elett Mexxej Laburista. Dan ikun ifisser illi l-Partit Nazzjonalista jagħlaq 10 snin iġarrab telfiet b’distakki ta’ aktar minn 30,000 vot.
Dan jindika għalfejn ħafna Nazzjonalisti tilfu l-paċenzja u qed ifittxu lil min se jagħti r-riżultati f’termini ta’ numri biex il-PN jirbaħ. F’dan il-kuntest wieħed jista’ jasal biex jikkonkludi illi l-għeruq u l-uffiċjali tal-PN se jkunu aktar tolleranti jekk mhux imħeġġa wkoll għal bidla fit-tmexxija, fid-dawl ta’ distakk li jkun 30,000+.
Xenarju 5: Jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni
Dan l-aħħar xenarju huwa dak fejn il-maġġoranza tad-Deputati jindikaw nuqqas ta’ fiduċja f’Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni u allura jkollha tinstab dik il-persuna li għandha l-fiduċja tal-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari.
Dan ifisser li Delia ma jibqax Kap tal-Oppożizzjoni, imma għandu kull dritt jibqa’ Kap tal-Partit.
Naturalment dan huwa xenarju improbabli ħafna għal bosta raġunijiet. L-ewwel nett ikunu esposti pubblikament u uffiċjalment dawk li qed jopponu lil Delia. Dawn jistgħu jistennew daqqa ta’ ħarta kbira mill-votanti Nazzjonalisti. It-tieni, f’każ bħal dan il-possibilità li jinqasam il-partit u jkun iffirumat grupp politiku temporanju tikber sew.
Dan apparti li hija xi ftit jew wisq ta’ preċedent ikrah li jkollok il-partit u l-Grupp parlamentari li jitmexxew minn persuni differenti. Naturalment il-leġittimità ta’ Delia bħala Kap tintilef għalkollox u t-telfa tal-kariga Kostituzzjonali tkun politikament umiljanti.
(Din l-analiżi nkitbet qabel ma ħarġet l-istorja dwar 17 Black)