It-turist Awstraljan l-iktar li jonfoq u l-Unġeriż l-iktar li joqgħod lura
L-aqwa swieq tul ix-xhur tas-sajf jidhru li kienu r-Renju Unit (+14.9%), l-Italja (+15.1%), il-Ġermanja (2.3%), Franza (+12.5%), u Spanja (+44.5%)
minn Liam Carter
“U issa mhux hawn qegħdin,” frażi komuni sew m’aħna l-Maltin kull darba li nersqu ’l barra minn xtutna, hekk kif donnha qiegħda fid-DNA kollettiva tagħna li ġaladarba nerħulha għall-ġita, niftħu jdejna u ma noqogħdu lura minn xejn. Però t-turisti li jiġu Malta kemm jonfqu? Liema hu t-turist li jonfoq l-iktar f’Malta? U kkumparat mas-snin ta’ qabel żdiedet jew naqqset in-nefqa tat-turisti f’Malta?
Ċifri ġodda ppubblikati din il-ġimgħa stess mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2018, l-aktar turist li ħalla flus f’Malta kien dak Awstraljan. Ras għal ras it-turist Awstraljan nefaq f’Malta €1,592, żieda totali ta’ €66 meta kkumparat mal-istess perjodu fis-sena preċedenti.
Wara l-Awstraljan, l-aktar turist li nefaq f’Malta kien dak Amerikan hekk kif ras għal ras, dan nefaq f’pajjiżna, €1,189. Viċin tiegħu, kien hemm it-turist Svizzeru b’nefqa medja ta’ €1,054 biex b’hekk spiċċa kklassifikat bħala t-tielet l-aktar turist li nefaq flus f’Malta.
Kuntrarjament, b’medja totali ta’ €592, it-turist Ungeriż kien dak li nefaq lanqas f’Malta. Din il-figura kienet €25 anqas meta mqabbla mal-istess figura għall-istess perjodu fis-sena ta’ qabel.
Warajh, insibu t-turist Taljan li waqt il-vaganza tiegħu f’Malta nefaq medja ta’ €25 iżjed minn dak Ungeriż. Dan hekk kif it-turisti Taljani li ġew Malta nefqu medja ta’ €616. Apparti minn dan, it-turist Pollakk irreġistra medja ta’ nefqa viċin ħafna tat-turist Taljan hekk kif ras għal ras dan nefaq, €641.
Notevolment, l-istatistika nnutat kif b’kollox it-turisti li ġew Malta ħallew f’Malta €1.7 biljun, b’żieda totali ta’ 9.3% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Aħna naduraw l-futbol tagħhom u huma l-gżira tagħna
Skont dawn l-istess ċifri, jidher biċ-ċar li l-aktar żewġ pajjiżi popolari sew mal-Maltin minħabba l-logħba tal-futbol, jiġifieri r-Renju Unit u l-Italja, huma l-aktar żewġ pajjiżi li minnhom ġew turisti f’pajjiżna fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2018.
L-istatistika turi li, minn Jannar sa Settembru li għadda, ġew 499,523 turist mir-Renju Unit u 315,054 turist mill-Italja wasslu Malta fuq ġita. Meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, il-figuri għaż-żewġ pajjiżi kienu ta’ 428,611 u 293,384 rispettivament. B’hekk hu ċ-ċar li l-popolarità ta’ pajjiżna ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi kompliet tiżdied sew din is-sena.
Apparti minn hekk, l-istatistika pożittiva immens, tinnota kif f’Settembru li għadda ġew mat-279,010 turist f’Malta. B’hekk Malta rreġistrat żieda ta’ 15.6% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel.
Darba ma kienx biżżejjed...
F’din il-ġabra ta’ statistika huwa interessanti li jiġi nnotat ukoll iż-żieda tat-turisti li kienu diġà żaru pajjiżna, però li għal xi raġuni jew oħra għażlu li jerġgħu jiġu hawn.
B’kollox f’Settembru kienu 71,237 turist ta’ dan it-tip li żaru pajjiżna, żieda ta’ 13.9% meta mqabbel mas-sena 2017. Minn dawn is-71,237 turist, 53,950 ġew darba biss fis-sena filwaqt li 17,287 jiġu aktar minn darba Malta. Apparti minn dan, Malta rreġistrat ukoll żieda fit-turisti li għażlu li jiġu fuq gżiritna għall-ewwel darba. B’kollox kienu, 200,202 turist ta’ dan it-tip li għażlu lil Malta bħala destinazzjoni tagħhom, żieda ta’ 15.5% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Kważi 6,000,000 passiġġier jgħaddi mill-Ajruport ta’ Malta
Intant din il-ġimgħa wkoll, ġew ippubblikati riżultati pożittivi wkoll għall-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta. Skont stqarrija mill-MIA, mill-bidu tas-sena s’issa, it-traffiku tal-ajurport laħaq il-5,939,436 passiġġier.
Din iċ-ċifra tindika li, sal-aħħar tal-2018, l-ajruport ser jirnexxilu jilħaq is-6.8 miljun moviment tal-passiġġieri mbassrin aktar kmieni din is-sena.
Is-sajf li għadda, li kien l-aktar wieħed impenjattiv għat-tim tal-Ajruport ta’ Malta sa issa, kien kontributur importanti għal dan it-traffiku għas-sena sa issa.
Apparti minn hekk, l-aqwa swieq tul ix-xhur tas-sajf jidhru li kienu r-Renju Unit (+14.9%), l-Italja (+15.1%), il-Ġermanja (2.3%), Franza (+12.5%), u Spanja (+44.5%). It-titjib notevoli fis-suq Spanjol jista’ jiġi attribwit għat-tnedija ta’ tliet rotot ġodda fis-sajf; Malaga, Sevilla u Bilbao, bl-ewwel tnejn jiġu estiżi fix-xhur tax-xitwa.