'Nirriżenja jekk l-inkjesta dwar 17 Black issib xi ħaġa kontrija'
Il-Prim Ministru insista li se jieħu d-deċiżjonijiet kollha li jkun hemm bżonn wara li tintemm l-inkjesta
More in Politika
Il-Prim Ministru insista li se jieħu d-deċiżjonijiet kollha li jkun hemm bżonn wara li tintemm l-inkjesta
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu lest jirriżenja jekk l-inkjesta dwar il-kumpanija 17 Black issib xi ħaġa kontrih.
Huwa qal dan meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti, fosthom jekk hux lest jirriżenja jekk l-inkjesta dwar il-kumpanija 17 Black issib xi ħaġa kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Il-Prim Ministru kompla jgħid li ma għandu l-ebda problema li jerfa’ r-responsabbilità politika u jieħu d-deċiżjonijiet kollha li jkun hemm bżonn wara li tintemm l-inkjesta.
Kien hawn li saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wkoll għandu jitlob inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li saru fuqu.
Mistoqsi għalfejn appella mill-inkjesta, il-Prim Ministru qal li huwa Simon Busuttil li tawwal il-proċess għax ma għoġbux il-Maġistrat u spjega li hu appella mill-fatt li kien qed jissemma f’xi ħaġa li hu ma għandux x’jaqsam fiha.
Il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll kienx staqsa liċ-Chief of Staff Keith Schembri dwar jekk jafx min hu s-sid ta’ 17 Black, iżda insista li hu ma jidħolx fil-kwistjonijiet ta’ negozju tal-persuni li jaħdmu miegħu.
Saħaq li kull meta Keith Schembri ġie mistoqsi mill-awtoritajiet ta l-informazzjoni kollha li kienet mitluba minnu.
Kien bħal-lum ġimgħa meta l-Proġett Daphne żvela li sid il-kumpanija 17 Black, illi kienet klijent tal-kumpaniji miftuħin fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, huwa Yorgen Fenech li huwa d-Direttur tal-Electrogas, il-kumpanija li bniet u qed tmexxi l-Power Station.