L-Assoċjazzoni Maltija għall-Iżviluppaturi (MDA) saħqet li kull min ikollu bżonn xogħlijiet marbuta mal-kostruzzjoni għandu jkun obbligat bil-liġi li jqabbad ħaddiema li jkunu kkwalifikati għal dan ix-xogħol.
Fi stqarrija, l-MDA qalet li dawn l-obbligi għandhom japplikaw għal kulħadd, anke jekk min ikollu bżonn is-servizz ma jkunx kuntrattur jew inkella żviluppatur imma sempliċiment ċittadin privat.
L-MDA kienet qed tirreaġixxi għall-inċident tal-bieraħ fejn żagħżugħ ta’ 26 sena tilef ħajtu wara li waqa’ għoli ta’ seba’ sulari f’Tas-Sliema.
Mingħajr ma daħlet fil-merti tal-każ, l-MDA fakkret li ilha żmien titlob li jkun hawn reġistru ta’ dawk il-ħaddiema kkwalifikati kollha li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni.
Saħqet li dan mhux biss għandu jindika l-esperjenza tal-ħaddiem imma anke jassigura li dawn ikunu għamlu kors bażiku dwar is-saħħa u s-sigurtà.
“Dan ma għandux japplika biss għall-ħaddiema impjegati mal-kuntratturi imma anke għal dawk li jaħdmu għal rashom,” saħqet l-MDA.
Temmet tfakkar li hi, b'mod volontarju torganizza sensiela ta' korsijiet dwar miżuri ta' saħħa u sigurtà.