"Biex l-Unjoni Ewropeja tasal għal sitwazzjoni fejn tkun qed twettaq dak li twiegħed hemm bżonn ta’ miri u miżuri ċari fir-regolamenti li jistabilixxu l-fondi li jitħaddmu madwar l-iStati Membri kollha.”
Dan qalitu l-Ewroparlamentari Miriam Dalli matul il-preżentazzjoni tar-rapport tagħha dwar liġi li tirregola l-użu ta’ aktar minn €10 biljun dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.
Fil-kummenti tagħha, Dalli spjegat li l-għan ta’ din il-liġi li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea huwa li jkollna baġit li jintuża biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet li jinħolqu mill-migrazzjoni, inkluż is-sistema tal-ażil u inklużjoni soċjali.
“Irrid nara li permezz ta’ din il-liġi, il-pajjiżi Ewropej jkollhom l-appoġġ meħtieġ fil-ħidma tagħhom u fil-miżuri li jimplimentaw,” qalet Dr Dalli.
Miriam Dalli intgħażlet biex tinnegozja din il-liġi f’isem il-Parlament Ewropew. Bħala rapporteur, hija identifikat ħames prijoritajiet:
- il-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabiltà,
- it-tisħiħ tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil,
- il-ħolqien ta’ rotot legali,
- soċjetajiet inklussivi u
- politika sostenibbli dwar ir-ritorn ta’ persuni li m’għandhomx dritt joqgħodu fl-UE.
“Huwa importanti li b’din il-liġi nagħrfu r-realtajiet differenti u nagħmlu minn kollox biex nilħqu l-bilanċ bejn li noffru l-protezzjoni lil min għandu bżonn u s-sostenn lill-pajjiżi biex iwettqu politika ta’ migrazzjoni ġusta,” temmet tgħid l-Ewroparlamentari.