Il-UĦM Voice of the Workers, ippreżentat mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti sabiex jiġu ssalvagwardjati s-salarji tal-ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur Executive Security Services Ltd. abbord il-bastimenti tal-Gozo Channel.
Fi stqarrija, il-unjin qalet li waslet għal din id-deċiżjoni għax il-kumpanija Gozo Channel neħħiet lill-ħaddiema membri tal-UĦM mir-roster għax dawn kienu qed isegwu direttivi leġittimi ordnati mill-istess unjin.
Is-saga ta’ dan il-każ ilha għaddejja għal diversi xhur tant li kellha tinfetaħ investigazzjoni mid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER).
“Il-UĦM Voice of the Workers ma tistax tifhem għaliex il-ħaddiema għandhom jgħaddu minn dan il-‘kalvarju’ kollu biex ikunu stmati daqs il-kollegi tagħhom impjegati mal-Gozo Channel li jagħmlu l-istess xogħol,” tkompli l-istqarrija. “Filwaqt li qed isegwu d-direttivi tal-UĦM, il-ħaddiema tal-kuntrattur qed ibatu minn intimidazzjoni ġenerali"
Il-UĦM saħqet li dawn il-ħaddiema saħansitra ġew akkużati li qed jagħmlu “vendikazzjoni mal-ħaddiema Għawdxin," iżda insistiet li dan żgur mhux il-każ għax il-ħaddiema membri ta’ din il-unjin huma kollha Għawdxin.”
Aqra wkoll dak żvelat mill-gazzetta ILLUM dwar kif qed ikunu stmati ħaddiema oħra Għawdxin li qed jingħataw kuntratti li jiġġeddu xahar b'xahar jew kull ftit xhur.