Il-PN jiddeċiedi li jagħti dahru lill-mozzjoni ta' sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi
Minflok din il-mozzjoni, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għażlet li tiddiskuti l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia
More in Politika
Minflok din il-mozzjoni, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għażlet li tiddiskuti l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia
Il-mozzjoni ta' sfiduċja kontra l-Ministru Konrad Mizzi mressqa mill-Partit Demokratiku se jkollha tistenna, hekk kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għażlet li fis-6 ta' Diċembru, il-ġurnata allokata għall-Oppożizzjoni, se tkun diskussa l-mozzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Mistoqsi mis-sit illum.com.mt, għalfejn il-PN għażel li ma jiddiskutix il-mozzjoni tal-Partit Demokratiku, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li bl-ebda mod dan ma jfisser li l-mozzjoni kontra Konrad Mizzi mhijiex importanti. Fakkar li fl-aħħar ġimgħat, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kemm-il darba talab għar-riżenja tal-Ministru Mizzi.
Intant, fi stqarrija maħruġa llejla, il-Partit Nazzjonalista mingħajr ma għamel l-ebda referenza għall-mozzjoni tal-Partit Demokratiku, fakkar li "l-Membri Parlamentari eletti f'isem il-Partit Nazzjonalista dejjem ivvutaw favur kwalunkwe mozzjoni ta' sfiduċja li tressqet kemm fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi b'rabta ma' każijiet ta' korruzzjoni" u li "l-Partit Nazzjonalista se jibqa' jagħmel il-ġlieda kontra l-korruzzjoni kemm fil-Parlament kif ukoll barra l-Parlament."
Intant, fis-seduta tal-lejla, il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, Robert Cutajar, fakkar li l-mozzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tressqet mid-Deputati kollha eletti f'isem il-Partit Nazzjonalista nhar il-15 ta' Ottubru 2018.
Permezz ta' din il-mozzjoni l-Parlament qed jiġi mitlub:
Li l-Prim Ministru jaħtar Bord ta' Inkjesta dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, skont l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273 tal-Liġijiet ta' Malta) u li jkun għal kollox indipendenti mill-Korp tal-Pulizija u mill-Gvern, sabiex jeżamina numru ta' punti mniżżla fl-istess mozzjoni.
Il-PN iddiżappunta lill-pajjiż kollu...
Intant fi stqarrija separata, il-Partit Demokratiku saħaq li l-mossa tal-PN biex flok jiġi diskuss l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia minflok l-mozzjoni ta’ sfiduċja tagħhom fil-konfront ta’ Konrad Mizzi, “iddiżapunta l-pajjiż kollu.”
Skont il-PD, Ir-rapport tan-NAO jkompli jitfa' dell ikrah fuq Konrad Mizzi u kif il-proposta tal-PN taljena lill-poplu mill-aktar kwistjoni ta’ importanza. “Għandna niġġieldu għall-ġustizzja fuq l-affarijiet li Daphne kitbet fuqhom. M’għandiex bżonn diskussjoni fuq kemm kien atroċi l-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia, għall-ċittadini attivi u responsabbli dan dejjem kien ovvju," sostna il-PD.