Il-Grupp Reżistenza Malta saħqu li r-rivelazzjonijiet tar-Reuters u t-Times of Malta dwar il-kumpanija 17 Black u r-rapport ippubblikat ilbieraħ mill-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt tal-ElectroGas, jikkorroboraw ma’ dak li kienet kixfet il-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia.
“Huwa evidenti li l-parti l-kbira ta’ l-istituzzjonijiet Maltin tradew lill-Poplu billi ppermettew li tifforma xibka ta’ korruzzjoni b’konnessjonijiet b’saħħithom ma’ forzi mudlama internazzjonali,” kompli l-istqarrija. “Malta tinsab maħkuma minn epidemija ta’ korruzzjoni.”
Għal dan il-għan, attivisti dendlu manetti u anke strixxuni mal-pont li jaqsam it-triq li minn Tal-Qroqq jagħti għall-Imsida
L-attivisti saħqu li qed jistennew li jseħħu arresti u anke interrogazzjonijiet, li tintalab l-għajnuna ta’ forzi tas-sigurta’ barranin u fuq li jiġu individwati l-politiċi u il-funzjonarji pubbliċi li huma implikati f’din ix-xibka ta’ korruzzjoni.
“Nappellaw lil dawk minn fost l-individwi li joppukaw pożizzjonijiet ewlenin fl-istituzzjonijiet tagħna li għad għandhom għal qalbhom il-ġustizzja u is-saltna tad-dritt sabiex juru kuraġġ u jinsistu li l-kriminali involuti fil-korruzzjoni li ħakmet lil pajjiżna jkunu mressqa quddiem il-qrati w issir ġustizzja minnhom,” tisħaq l-istqarrija.