Se jiżdiedu ż-żoni pedonali fil-Belt Valletta

...dan apparti li ntlaħaq qbil fuq emendi għall-ħinijiet tad-deliveries

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista ħabbru avviż legali bil-għan li jestendi ż-żoni pedonali tal-Belt Valletta.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Borg qal ukoll li hemm qbil fuq emendi fil-ħinijiet tad-deliveries u qal li filwaqt li wieħed jifhem li l-ħwienet jeħtieġu li jirċievu l-prodotti, wieħed irid jagħraf ukoll li ċertu ħinijiet jistgħu jxekklu s-sigurtà għan-nies.

Għalhekk, il-ħinijiet ta’ waranofsinhar għad-deliveries se jsiru fuq jumejn – it-Tnejn u l-Ħamis mis-2:30pm sal-4:30pm – filwaqt li fil-ħinijiet bikrin ta’ filgħodu se jibqa’ jkun hemm aċċess kuljum mis-1:00am sad-9:30am.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru kompla jisħaq li waħda mill-aktar bidliet importanti hija li issa d-disa' pjazez tal-Belt se jkunu inklużi bħala żoni pedonali. Dan flimkien ma’ estensjonijiet ta’ xi toroq bħal Triq it-Teatru l-Qadim, u tibdil f’xi toroq oħra.

Borg qal li filwaqt li l-Gvern jifhem li n-nies iridu jidraw is-sinjali l-ġodda, huwa importanti li mill-aktar fis jiġu segwiti r-regolamenti għax is-sigurtà pedonali hija importanti, speċjalment f’ċentru ta’ kummerċ u turiżmu bħalma hi l-Belt Valletta. 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal lir-reviżjoni fuq żoni pedonali tkompli ssaħħaħ ir-riġenerazzjoni li għaddiet minnha l-Belt Valletta fl-aħħar snin.

“B’inizjattivi bħal dawn se nagħtu lura l-ispazji lill-Belt Valletta, lill-Beltin u lil dawk li jiffrekwentawha. Dan kollu qed jgħin ukoll biex il-Belt Valletta tkompli tingħata l-ġieħ ta’ sit ta’ patrimonju dinji, kif fil-fatt jistħoqqilha,” temm jgħid Debattista.

More in Politika