Minkejja li diversi huma dawk li qed jistennew li l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil joħroġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, mas-sit Illum.com.mt Busuttil insista li ma għandu l-ebda ħsieb.
Mitlub jgħid jekk għandux intenzjoni li joħroġ għal dawn l-elezzjonijiet, Busuttil wieġeb: "l-għan ewlieni tiegħi huwa li nkompli nara li ssir ġustizzja dwar il-korruzzjoni enormi tal-Gvern Laburista li qed tħammeġ isem pajjiżna."
Immedjatament wara kompla jinsisti u qal: "ma għandi l-ebda ħsieb fuq affarijiet oħra."
Sa April li għadda, lill-ILLUM, Busuttil kien weġibha hekk: “M’għandi assolutament ebda pjanijiet dwar jekk noħroġx jew le. Għadu kmieni wisq."
Busuttil kien elett Ewroparlamentari fl-ewwel elezzjoni li saret fl-2014 u reġa' kien elett fl-2009 fejn kien il-preferut ta' 68.4% ta' dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista. Fl-2012 huwa kien elett Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u kien elett fil-Parlament Malti fl-elezzjoni tal-2013.
Intant, aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Ewroparlamentari Alfred Sant tefa' n-nomina tiegħu biex jerġa' jkun kandidat tal-Partit Laburista fl-elezzjonijiet ta' Mejju li ġej.
Imma Alfred Sant u Simon Busuttil kif jistgħu jbiddlu x-xenarju politiku u jiddeterminaw il-futur tal-partit tagħhom? L-ILLUM tanalizza.