Robert Micallef jitfa' n-nomina għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f'isem il-PL

Micallef, kien in-negozjatur tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea

Robert Micallef tefa’ n-nomina biex jikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista.

Micallef, kien in-negozjatur tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea u fi stqarrija insista li kien imħeġġeġ minn diversi persuni biex jissottometti n-nomina tiegħu, inkluż mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

In-nomina tiegħu kienet formalment issekondata mill-Membru Parlamentari Ewropew  Alfred Sant, mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerc Carmelo Abela u mid-Delegat Specjali tal-Prim Ministru Joe Debono Grech.

Robert Micallef għandu aktar minn 16-il sena esperjenza ta’ ħidma mal-istituzzjonijiet Ewropej.

Matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea serva bħala n-negozjatur tal-Presidenza mal-Parlament Ewropew u mexxa numru ta’ Kumitati importanti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Huwa ppresieda t-tħejjijiet tal-Kunsill għall-ħolqien tal-Pjan Ewropew għall-Investiment Estern u mexxa n-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar dan il-pjan li se jkun qiegħed jimmobilizza €44 biljun f’investimenti fl-Afrika u l-pajjizi ġirien tal-Unjoni Ewropea. 

Din se tkun it-tieni darba li Robert Micallef ser jikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew wara li kien elett mid-delegati tal-Konferenza Generali tal-Partit Laburista fi Frar tal-2004 sabiex ikun kandidat tal-Partit Laburista fl-ewwel elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Gunju ta’ dik is-sena.

F’dik l-elezzjoni, f'isem il-Partit Laburista, kienu eletti Joseph Muscat kif ukoll Louis Grech u John Attard Montaldo.

More in Politika