'L-irwol ġdid mogħti lil Jason Micallef jibgħat messaġġ ħażin' - PEN International
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ PEN International, Carles Torner jibgħat ittra miftuħa lill-Prim Ministru
More in Politika
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ PEN International, Carles Torner jibgħat ittra miftuħa lill-Prim Ministru
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ PEN International, Carles Torner, kitbu ittra miftuħa lill-Prim Ministu biex juru t-tħassib tagħhom għall-fatt li Jason Micallef se jkun qed imexxi l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta li se tkompli fejn ħalliet il-Fondazzjoni Valletta 2018.
Torner fakkar lill-Prim Ministru li fil-15 ta’ Ottubru tal-2018 huma ltaqgħu miegħu u kellmuh dwar dawk li huma jsejħu bħala "kampanji ta’ vilifikazzjoni" kontra Daphne Caruana Galizia, anke minn awtoritajiet u membri tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
L-ittra tisħaq li minkejja l-impressjoni li l-Prim Ministru ta lill-attivisti, jiġifieri li se jikkunsidra serjament dawn l-allegazzjonijiet, minflok iċċensura lil Jason Micallef tah promozzjoni.
“Skantati dwar in-nuqqas ta’ kontabbilità mill-awtoritajiet Maltin dwar l-allegazzjonijiet serji ħafna li għamlu PEN International u anke diversi għaqdiet kulturali oħra internazzjonali,” tkompli l-ittra.
Għalhekk, Torner ħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jikkonsidra mill-ġdid il-pożizzjoni li ngħata Jason Micallef li fi kliemu qed jibgħat sinjal ħażin li l-awtoritajiet Maltin qed ifallu milli jonoraw l-obbligazzjonijiet tagħhom biex jipproteġu l-libertà tal-espressjoni u l-valuri Ewropej.
L-ittra tfakkar ukoll lill-Prim Ministru li PEN International kienu kitbu lill-Kummissjoni Ewropea jitolbu għar-riżenja ta’ Micallef wara li, fi kliem l-organizzazzjoni, attakka u waqqa’ għaż-żufjett lil Daphne Caruana Galizia u anke talab biex jitneħħew strixxuni li tpoġġew fuq dawk tal-Valletta 2018, wara l-assassinju tagħha.
Komplew ifakkruh fl-ittri mibgħuta minn 72 Ewroparlamentari u minn 130 artist lokali li wkoll talbu għar-riżenja ta’ Micallef.
Micallef kien ikkritikat ukoll minn Leeuwarden, il-Kapitali Ewropea għall-Kultura mal-Belt Valletta u anke minn Manfred Gaulhofer li mexxa l-ġurija li għażlet lil Malta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.