'Jiena dejjem kont konsistenti...Delia le'
Il-Prim Ministru jisħaq l-Kap tal-Oppożizzjoni jinstab f'sitwazzjoni assurda
More in Politika
Il-Prim Ministru jisħaq l-Kap tal-Oppożizzjoni jinstab f'sitwazzjoni assurda
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li huwa dejjem kien konsistenti filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia spiċċa f’sitwazzjoni “assurda” fejn dak li kien qed jgħid fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff Keith Schembri issa japplika wkoll għall-pożizzjoni tiegħu.
Muscat qal dan waqt li kien qiegħed jirreaġixxi għal dak żvelat ilbieraħ, jiġifieri li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed ikun investigat dwar rabtiet ma' ċirku ta' ħasil ta’ flus li kienu ġejjin mill-prostituzzjoni.
Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk jaħsibx li jinsab f’sitwazzjoni “assurda” li spiċċa jiddefendi lill-Kap tal-Oppożizzjoni, minħabba li fl-aħħar ġimgħat kien qed jiddefendi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, il-Prim Ministru insista li huwa l-Kap tal-Oppożizzjoni li jinsab f’sitwazzjoni assurda u mhux hu.
“Jiena dejjem kont konsistenti u se nibqa’ nkun konsistenti bla problema ta’ xejn…il-pożizzjoni problematika qiegħed fiha l-Kap tal-Oppożizzjoni għax l-argumenti li għamel fil-konfront ta’ persuni oħra ma jrid jagħmilhom fil-konfront tiegħu nnifsu,” kompla l-Prim Ministru.
Ilbieraħ, il-Prim Ministru qal li huwa mhux se jagħmel bħal Delia u jgħidlu biex jirreżenja iżda se jistenna l-eżitu tal-investigazzjoni qabel ma jieħu pożizzjoni.
Huwa ddefenda wkoll il-pożizzjoni tiegħu rigward Mizzi u Schembri, jiġifieri li se jistenna l-eżitu tal-inkjesta dwar 17 Black, anke jekk ilbieraħ, rapport fuq The Sunday Times żvela wkoll kif għall-kuntrarju ta’ dak li qal il-Prim Ministru fl-aħħar ġimgħat, Konrad Mizzi u Keith Schembri se jkunu direttament investigati.
Delia kif qed iwieġeb?
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li l-każ inwkistjoni seħħ fi żmien meta hu kien avukat u mhux politika għalkemm sostna bil-qawwa illi hu qatt m'għamel xejn ħażin u ma ħasel ebda flus.
Huwa qal lill-Kummissarju li jista’ jinvestigaw u staqsa għalfejn qatt ma nterrogawh, ġaladarba, skont ir-rapport, il-Pulizija ilha tinvestigah minn Marzu.
L-ewwel rapport dwar dan il-każ, kienet ħarġitu l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fit-23 ta’ Awwissu, 2017, jiġifieri fi żmien il-kampanja għall-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Caruana Galizia allegat li Delia għandu jew kellu kont f’Jersey li hu ma ddikjarax li kellu.
Iktar tard hija kienet allegat illi minnu qed jgħaddu flus li ġejjin minn qligħ ta’ prostituzzjoni li allegatament qed issir fi blokka ta’ appartamenti f’Soho, Londra.