L-Avukat Ġenerali tal-ECJ jgħid li r-Renju Unit jista' jwaqqaf il-Brexit
...u dan mingħajr il-bżonn li jkun hemm il-kunsens tal-pajjiżi l-oħra membri fl-Unjoni Ewropea
More in Politika
...u dan mingħajr il-bżonn li jkun hemm il-kunsens tal-pajjiżi l-oħra membri fl-Unjoni Ewropea
Ir-Renju Unit jista’, unilateralment, iwaqqaf il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea.
Dan kien il-parir tal-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja, Manuel Campos Sanchez-Bordona.
Din il-Qorti trid tiddeċiedi dwar it-talba li għamlu grupp ta’ politiċi Skoċċiżi li qed jistaqsu jekk ir-Renju Unit jistax iwaqqaf il-Brexit mingħajr il-kunsens tal-Istati Membri l-oħra.
Il-parir tal-Avukat Ġenerali lill-Qorti huwa li ġaladarba pajjiż jiddeċiedi li jitlaq mill-Unjoni Ewropea, għandu jkollu wkoll l-għażla li jbiddel fehmtu fis-sentejn perjodu (stipulat mill-Artiklu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea) għall-proċess biex pajjiż joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Ikompli jgħid li l-istess pajjiż ma għandux għalfejn ikollu l-kunsens tal-pajjiżi l-oħra membri.
Anke jekk ma jfissrx li l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali torbot lill-Qorti, normalment, fid-deċiżjonijiet tagħha, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja żżomm u tapplika l-parir tiegħu.
Dan l-aħħar żvilupp ħareġ ftit qabel jibdew ħamest ijiem dibattitu fil-Parlament Ingliż dwar il-ftehim propost għal Brexit mill-Prim Ministru Ingliż, Theresa May.
Il-vot dwar dan il-ftehim mistenni jittieħed bħal-lum ġimgħa.