Il-bereġ li joffru servizzi tas-saħħa jgħaddu f'idejn il-kunsilli lokali
In-numru ta’ bereġ f’Malta u Għawdex jammonta għal 54 u kull sena huwa stmat li jagħmlu użu minnhom madwar 210,000 pazjent
More in Politika
In-numru ta’ bereġ f’Malta u Għawdex jammonta għal 54 u kull sena huwa stmat li jagħmlu użu minnhom madwar 210,000 pazjent
Illum ġie ffirmat Memorandum ta’ Ftehim bejn id-Dipartiment tal-Kura Primarja u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex il-bereġ li minnhom jingħataw is-servizzi tas-saħħa f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex jgħaddu taħt ir-responsabbiltà tal-kunsilli lokali rispettivi.
L-iffirmar tal-ftehim sar mil-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Kura Primarja Roseanne Camilleri, u mill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava, fil-preżenza tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis.
Id-Deputat Prim Ministru qal li l-Gvern jemmen bis-sħiħ fis-servizzi tas-saħħa fil-komunità għax apparti li jkun aktar komdu għaċ-ċittadin li jingħata kura primarja fl-istess lokalità li jgħix, iservi wkoll ta’ mezz preventiv kontra l-mard peress li dan ikun qiegħed jinqabad fi stadju bikri.
L-għan ta’ dan il-memorandum huwa li jwassal biex jittejjeb is-servizz tal-kura tas-saħħa fil-komunità minn ambjenti aħjar.
Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa saħaq li l-ftehim se jgħolli l-livell tas-servizzi tal-kura primarja offruti u permezz tiegħu se jkunu kollha l-istess minn kull berġa.
Apparti s-servizzi kurrenti ta’ tabib, infermiera kif ukoll patoloġija tal-lingwa f’ħafna mill-bereġ fil-komunità, il-ftehim se jagħmilha possibbli li d-Dipartiment tal-Kura Primarja jintroduċi servizzi ġodda bħalma huma podjatrija bażika, nutrizzjoni, dieta, terapija okkupazzjonali kif ukoll ta’ saħħa mentali.
Min-naħa l-oħra se jkun qed jinħoloq spazju li joffri opportunità biex jitwessgħu s-servizzi li jingħataw miċ-Ċentri tas-Saħħa. Se jkun qed jikkontribwixxi u jiffaċilita eżamijiet mediċi aktar mgħaġġla u b’hekk, ikun qed jonqos il-piż fuq kura sekondarja filwaqt li jipprovdi kwalità ta’ ħajja aħjar lill-pazjenti.
“Id-Dipartiment tal-Kura Primarja se jkun responsabbli għall-provdiment tal-apparat mediku kollu tal-bereġ flimkien mal-għamajjar anċillari għas-servizz u li jipprovdi r-riżors uman għalihom biex ikunu sostnuti s-servizzi offruti, filwaqt li l-kunsilli lokali jkunu responsabbli li jassiguraw it-tmexxija fiżika, manutenzjoni u tindif tal-postijiet flimkien mal-finanzjament għalihom”, spkega l-Ministru Fearne,.
In-numru ta’ bereġ f’Malta u Għawdex jammonta għal 54 u kull sena huwa stmat li jagħmlu użu minnhom madwar 210,000 pazjent.