Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, serraħ ras iċ-ċittadini Maltin fir-Renju Unit, li bi ftehim jew mingħajru dwar Brexit, il-pajjiż se jkun qed isegwi s-sitwazzjoni tagħhom biex ma jiffaċjaw ebda riperkussjonijiet.
Muscat qal dan fil-bidu ta’ laqgħa tal-kabinett man-nies dwar l-infrastruttura, il-Prim Ministru insista li anke jekk Brexit iseħħ mingħajr ftehim, ma jeżisti ebda ħsieb li jittieħdu miżuri li jistgħu jaffettwaw ħażin ċittadini Brittaniċi f’Malta.
Kompla jgħid li Malta trid twassal il-messaġġ li l-ftehim propost huwa l-aħjar wieħed għal Brexit u ma hemmx lok għal tibdil, anke jekk teżisti rieda li jingħataw aktar kjarifiċi kif ikun il-bżonn.
Insista li Malta ma tistax tindaħal f’deċiżjonijiet sovrani tal-poplu Ingliż iżda se jkun qed jiddiskuti fil-kabinett u jibqa f’kuntatt mal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea biex it-tħejjijiet ikunu fl-aqwa tagħhom kemm fl-eventwalità li l-ftehim ikun aċċettat, kif ukoll jekk ma jkunx aċċettat, u jidħol xenarju ta’ Brexit bla ftehim.
Intant, wara li l-Prim Ministru Ingliż Theresa May ipposponiet il-vot dwar il-ftehim, bdiet sensiela ta’ laqgħat ma’ mexxejja tal-Unjoni Ewropa bil-għan li tmur lura fil-Parlament Ingliż bi ftehim u kjarifiċi aktar sodi li jikkonvinċu lill-maġġoranza li ma jridux il-ftehim preżenti