Fearne jneħħi lil Neville Gafà - Muscat jgħid illi dan kien trasferiment

Il-Ministeru tas-Saħħa jikkonferma li ttermina l-impjieg ta' Gafà minn mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi...l-PM Muscat jgħid li dan kien sempliċiment 'trasferiment'

Il-Ministru Chris Fearne jitlob gat-tkeċċija ta' Neville Gafà
Il-Ministru Chris Fearne jitlob gat-tkeċċija ta' Neville Gafà

Il-Kap tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi Carmen Ciantar ikkonfermat illi Neville Gafà tneħħa mill-post tax-xogħol tiegħu, fuq ix-xewqa tal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. 

Rapporti fuq il-ġurnal The Times jgħidu illi Fearne keċċa lil Gafà wara allegazzjonijiet fl-aħħar jiem, primarjament minn Ivan Grech Mintoff. Dan allega li Gafà kien qed jitla l-Libja biex 'jixtri' lil dawk li kienu se jixhdu kontrieh fil-każ dwar tixħim biex jingħataw viżas lill-Libjani.

Grech Mintoff ippublika ritratti ta' Gafà ma' numru ta' rġiel Libjani li hu qal li kienu se jixhdu kontrieh u allega li dan tahom ħafna flus biex dawn ma jixhdux kontrieh. Dawn minn naħa tagħhom, kompla jgħid, lesti illi jieħdu affidavit biex jgħidu quddiem il-Qorti illi Gafà vera prova jixtrihom. 

Minkejja li Grech Mintoff ippubblika ritratti ta' Gafà formalment jiltaqa' ma' uffiċjali Libjani, kemm il-Ministeru tas-Saħħa u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ċaħdu illi dan intbagħat minnhom fuq xi żjara uffiċjali. 

                                                      Ara hawnhekk ir-rapport sħiħ dwar l-allegazzjonijiet ta' Grech Mintoff

F'kummenti mal-midja iktar kmieni illum il-Prim Ministru Joseph Muscat qal illi din ma kienet tkeċċija xejn iżda sempliċiment trasferiment. "Dak li sar kien proċedura ta' trasferiment," sostna Muscat. Mistoqsi fejn  se jkun trasferit ida Muscat ma weġibx.

Ikkonferma iżda li l-laqgħat li kellu Gafà ma kienux uffiċjali, ma kienux imqabbdin mill-Gvern u hu ma kienx jaf bihom.

Mistoqsi jekk għandux fiduċja f'Gafà, l-Prim Minstru qal illi dan xogħol tajjeb qed jagħmel.

More in Politika