Malta kienet fost 164 pajjiż li pparteċipaw f’konferenza intergovernattiva li saret f’Marrakexx, il-Marokk u li matulha ġie ffirmat il-Patt Globali għal Migrazzjoni Sigura, Ordnata, u Regolari.
Dan huwa l-ewwel ftehim innegozjat bejn il-pajjiżi tad-dinja, imħejji taħt l-awspiċi tan-Ġnus Magħquda, biex ikopri d-dimensjonijiet kollha tal-migrazzjoni internazzjonali b’mod ħolistiku u komprensiv.
Dan il-patt ma jorbotx legalment iżda jafferma d-dritt sovran tal-Istati li jiddeterminaw il-politika nazzjonali tagħhom dwar il-migrazzjoni u l-prerogattiva tagħhom li jirregolaw il-migrazzjoni fil-ġurisdizzjoni tagħhom skont il-liġi internazzjonali
Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barrani u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, saħaq li jinsab fiduċjuż li jekk il-pajjiżi jaħdmu flimkien, l-immigrazzjoni tkun tista’ tiġi mmaniġġjata aħjar.
“Wieħed ma jistax jissottovaluta l-valur ta’ ftehim globali dwar din il-materja. Bħala stat tal-fruntiera, Malta esperjenzat direttament il-benefiċċji ta’ meta l-migrazzjoni tiġi indirizzata b’mod reġjonali, bil-maqlub ta’ meta tiġi affrontata unilateralment,” saħaq il-Ministru.
F’Marrakexx, il-Ministru Abela attenda wkoll avveniment li ġie organizzat fl-okkażjoni tas-70 anniverarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Laqgħa oħra saret mad-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni (ICMPD), organizzazzjoni internazzjonali bbażata fi Vjenna bi stat ta’ osservatur fin-Nazzjonijiet Magħquda.
L-ICMPD jservi bħala organizzazzjoni ta’ sostenn għal konsultazzjonijiet informali u tipprovdi għajnuna esperta fil-qasam tal-koperazzjoni multilaterali dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni u mal-ażil.
Dan iċ-ċentru għandu 17-il stat membru, inkluża Malta, li ssieħbet f’Mejju 2018 bħala l-ewwel membru mill-Mediterran ċentrali.
Agħfas hawn biex tifhem aħjar dak li qiegħed jipproponi dwar il-ftehim.