Il-Parlament ivvota kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li kienet issejjaħ għal inkjesta urġenti u indipendenti dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Qabel ittieħed il-vot, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, David Agius saħaq li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ma setax jivvota favur emenda li ressqet id-Deputata Marlene Farrugia għal din il-mozzjoni, għax fi kliemu, din tneħħi żewġ punti importanti, fosthom:
- it-talba għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija; u
- li l-Prim Ministru jiġi ordnat mill-Parlament biex jaħtar Bord ta' Inkjesta dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia
Kien għalhekk li Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista vvutaw favur il-mozzjoni iżda kontra l-emenda kif imressqa mill-Onorevoli Marlene Farrugia.
Madankollu, il-Partit Nazzjonalista saħaq li li ma għandu l-ebda diffikultà li l-emenda kif imressqa minn Marlene Farrugia tiġi ppreżentata bħala Private Members Bill sabiex tiġi diskussa f'seduta allokata għall-Oppożizzjoni.
Fost oħrajn, il-mozzjoni tal-Partit Demokratiku kienet titlob li titwaqqaf Kummissjoni li apparti l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, tinvestiga wkoll il-qtil ta’ Karin Grech, Raymond Caruana u Daphne Caruana Galizia.
B’reazzjoni, il-Partit Demokratiku wera d-diżappunt tiegħu għall-mod kif ivvutaw iż-żewġ naħat tal-kamra.
“Huwa ċar li Joseph Muscat u Adrian Delia qed jaħdmu flimkien kontra Malta rinovata,” saħaq il-Partit Demokratiku.