Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li ħadd ma għandu jeskludi l-possibbilità ta’ nuqqas ta’ ftehim dwar Brexit u appella lill-kumpaniji biex minn issa jieħdu l-passi kollha neċessarji.
Huwa qal dan f’kummenti lill-midja waqt is-Summit tal-Mexxejja Ewropej fi Brussell li qed jiddiskuti l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropa.
Muscat saħaq li hemm għaqda sħiħa min-naħa Ewropea li l-ftehim ta’ Brexit huwa magħluq u taħt l-ebda ċirkostanza ma jista’ jerġa’ jinfetaħ.
Min-naħa l-oħra, qed jitwassal messaġġ li l-Ewropa lesta tkun ta’ għajnuna għall-Gvern u l-poplu Ingliż biex isiru l-kjarifiċi li hemm bżonn.
B’referenza għall-kummenti tal-Prim Ministru Ingliż Theresa May, il-Prim Ministru insista li hemm rieda li jsiru kjarifiċi dwar x’inhuma l-intenzjonijiet politiċi tal-Unjoni Ewropea.
Huwa kompla jisħaq li nhar it-Tlieta li għadda l-kabinett iddiskuta l-preparamenti ta’ Malta għall-eventwalità ta’ no deal.
Qal li d-dipartimenti differenti ta’ pajjiżna huma mħejjija tajjeb, speċjalment id-dipartiment tad-dwana li jkun fost l-iktar impattati.
“Il-gvern se jkun qed jagħti wkoll l-għajnuna tiegħu, permezz ta’ miżuri mħabbra fil-budget, biex kumpaniji li s-suq ewlieni tagħhom huwa dak Ingliż jingħataw għajnuna diretta biex jippjanaw,” insista l-Prim Ministru. “F’dan il-mument, aħjar taħseb fil-ħażin biex it tajjeb ma jonqosx.”