Il-Kummissjoni ta’ Venezja ikkonkludiet li f’Malta hawn nuqqas ta’ sistema li tirregola u żżomm taħt skrutinju l-poteri tal-Prim Ministri.
L-opinjoni, ifformulata mill-esperti legali li jiffurmaw il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi (magħrufa bħala l-Kummissjoni ta' Venezja) kienet ippubblikata llum, ftit ġimgħat wara li din żaret Malta fuq talba tal-Gvern stess.
Il-Kummissjoni saħqet li f’Malta, il-poter tal-Prim Ministru “jitfa’ dell kbir” fuq il-poteri ta’ entitajiet oħra tal-Gvern, inkluż il-President, il-Parlament, il-Kabinett, il-Ġudikatura u anke l-Ombudsman.
Ir-rapport jikkritika wkoll il-fatt li f’Malta, l-Avukat Ġenerali huwa kemm konsulent tal-Gvern iżda anke prosekutur. Fi kliem il-Kummissjoni, dan l-irwol doppju huwa “problematiku.”
L-istess esperti legali tkellmu wkoll dwar il-paga tal-Membri Parlamentari u saħqu li l-fatt li dawn jitħallsu biss paga ta’ part-time, “dan għandu effett negattiv fuq l-abbilità tagħhom li joperaw b’mod indipendenti mill-eżekuttiv.”
Dwar il-President, il-Kummissjoni saħqet li l-persuna f'dan l-irwol ma għandhiex biżżejjed poter biex tkun “attur effettiv” f’sistema li tieqaf u tiġbed l-attenzjoni meta jkun hemm bżonn.
Urew ukoll it-tħassib tagħhom għall-fatt li l-Prim Ministru għandu influwenza “notevoli” fuq il-ħatriet tal-ġudikatura.
Fi kliemhom, din ukoll hija marbuta mal-fatt li skonthom f’Malta hawn nuqqas ta’ sistema li tistaqsi l-poter tal-Gvern. “Din il-problema hija mkabbra b’soċjetà ċivili u midja indipendenti dgħajfa,” kompliet il-Kummissjoni.
Dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Kummissjoni ta’ Venezja saħqet li Malta għandha “obbligazzjoni internazzjonali” li tassigura li l-midja u s-soċjetà ċivili jkollhom rwol importanti u attiv biex iżommu lill-awtoritajiet responsabbli.
Irrefew ukoll għal dak lil qalilhom il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u filwaqt li rrikonoxxew li f’Malta, fl-aħħar sitt snin, kien għaddej programm ta’ riforma legali bil-għan li jissaħħu s-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba, żiedu jgħidu li dan ma kienx biżżejjed.
'Kummenti fuq liġijiet u sistemi li ilhom hemm is-snin'
Fi stqarrija, il-Gvern saħaq li l-Kummissjoni qed tipprepara opinjoni dwar il-qafas kostituzzjonali, is-separazzjoni tal-poteri, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi f’Malta.
Kien għalhekk li filwaqt li saħaq li jilqa' l-abbozz ta’ opinjoni, se jkun qed jagħti r-reazzjoni tiegħu meta l-Kummissjoni toħroġ id-dokument finali u anke jippubblika pożizzjoni uffiċjali dwarha.
"Il-gvern jinnota li l-kummenti tal-abbozz ta’ opinjoni jiffukaw fuq liġijiet u sistemi li ilhom hemm is-snin u mhux dwar liġijiet li introduċa l-gvern preżenti. Fejn issir referenza għal liġijiet li saru mill-gvern preżenti, dawn jiġu deskritti bħala pass ’il quddiem," saħaq il-Gvern.