Il-President tħeġġeġ liż-żgħażagħ jipparteċipaw fil-volontarjat

“Nemmen li huwa tabilħaqq possibbli, li nibnu kultura li hija msejsa sew fil-valuri tad-drittijiet universali tal-bniedem" - Coleiro Preca

Il-President ikkommemorat s-70 Anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mal-Għaqdiet taż-Żgħażagħ Maltin waqt serata ta’ diskussjoni organizzata mill-Uffiċċju tal-President, fil-Palazz ta’ Sant’ Anton.

Il-President Coleiro Preca fakkret fir-responsabbiltà li kulħadd għandu sabiex jiċċelebra u jipproteġi d-drittijiet universali ta’ kull persuna, mingħajr ebda distinzjoni – huma minn huma, huma minn fejn huma, u tenniet li, “d-drittijiet tal-bniedem jistabbilixxu l-istandards li permezz tagħhom irridu ngħixu fil-paċi u f’dinjità.” Il-President qalet li d-drittijiet tal-bniedem jiffokaw ukoll l-attenzjoni tagħna fuq il-valuri tal-ugwaljanza, tar-rispett u tal-ġustizzja, li huma l-pedament ta’ demokrazija sħiħa u b’saħħitha.

“Bħala studenti, intom tinsabu f’perjodu fil-ħajja tagħkom, fejn jeħtieġ li tiddefendu dawn id-drittijiet, jekk tridu li tgħixu fil-paċi, u f’demokrazija sħiħa u effettiva.”

Waqt l-indirizz tagħha lill-istudenti preżenti, il-President Coleiro Preca qalet li l-impenn lejn il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, jwassalhom sabiex jifhmu li l-inġustizzji li jeżistu fuq livell soċjali, ekonomiku jew ambjentali, huma ta’ theddida għall-ħajja nnifisha.

“Għandna naġixxu b’mod kuraġġuż, mhux biss minħabba li inġustizzji bħal dawn qed ikollhom effett fuq ħajjitna, iżda wkoll, għaliex ilkoll għandna d-dmir, sabiex nieħdu ħsieb u nagħtu appoġġ lil xulxin bħala familja umana waħda,” tenniet il-President Coleiro Preca.

Il-President qalet li hemm bżonn li tinbena kultura li tkun etika, kultura li tippromovi l-paċi, u kultura li trawwem ir-rispett. Hija qalet li hija din it-tip ta’ kultura biss li twassal għas-salvagwardjar effettiv tad-dinjità umana, li tinsab fil-qalba tad-drittijiet tal-bniedem. Fil-proċess tkun qed tiġi maħluqa wkoll prosperità inklussiva.

“Huwa ferm essenzjali li ż-żgħażagħ jkunu parteċipanti attivi, fil-proċessi u l-istrutturi demokratiċi meħtieġa ta’ pajjiżna.”

Il-President qalet li l-vuċijiet ta’ dawk preżenti, bħala żgħażagħ, għandhom jinstemgħu, mhux biss għax huma il-preżent tagħna, iżda huma wkoll il-mexxeja futuri tan-nazzjon tagħna u tad-dinja.

Għal darb’oħra, il-President inkoraġġiet liż-żgħażagħ sabiex jipparteċipaw fis-settur tal-volontarjat – liema parteċipażżjoni hija kruċjali, għaliex tagħtihom l-opportunità biex jiżviluppaw il-ħila tal-ħsieb kritiku, taċ-ċittadinanza attiva u ta’ tmexxija. Hija qalet li permezz ta’ dawn il-ħiliet huma jsiru kontributuri effettivi għall-ġid komuni.

“Nemmen li huwa tabilħaqq possibbli, li nibnu kultura li hija msejsa sew fil-valuri tad-drittijiet universali tal-bniedem.”

Il-President qalet li tul it-terminu tagħha bħala President hija kellha l-opportunita’ li tiltaqa’ ma’ ħafna studenti u żgħażagħ, minn kull sfera tas-soċjetà, li impressjonawha bl-għerf, bid-determinazzjoni u bil-viżjoni li għandhom għall-futur ta’ Malta u tad-dinja.

“Huwa għal din ir-raġuni li nemmen li Malta ser tkompli tiżviluppa l-vokazzjoni unika tagħha – dik li tkun hub għall-paċi u għad-djalogu, fir-reġjun Ewro-Mediterran. Jiena konvinta li, meta intom bħala żgħażagħ tpoġġu l-valuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-prattika, tkunu qed tagħtu l-kontribut siewi tagħkom, sabiex tiżguraw l-iżvilupp demokratiku kontinwu tas-soċjetà tagħna, tar-reġjun tagħna u tad-dinja kollha tagħna,” ikkonkludiet il-President Coleiro Preca.

Fl-aħħar tad-diskussjoni, r-rappreżentanti tal-għaqdiet taż-żgħażagħ Maltin kixfu lapida kommemorattiva fil-Palazz ta’ Sant’ Anton.

 

 

More in Politika