Għawdex dalwaqt se jkollu l-isptar ‘state of the art’ imwiegħed, qal il-Prim Ministru Joseph Muscat, anke jekk ma indikax meta dan se jkun qiegħed jitlesta.
L-isptar kellu jkun lest f'Mejju li għadda, iżda din il-mira nbidlet malli l-konċessjoni għat-tmexxija tal-isptar għaddiet minn idejn il-Vitals Global Healthcare għal għand Steward Health Care.
Il-Prim Ministru qal dan waqt li kien qiegħed jinawgura ċ-Ċentru tal-Anatomija Barts biswit l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, proġett li l-President ta’ Steward Health Care, Armin Ernst, iddeskrivih bħala “wieħed mill-aqwa faċilitajiet ta’ tagħlim” li żar f’20 sena.
Dan iċ-ċentru se jkun estensjoni tal-Iskola Medika Barts li bħalissa qed tinbena.
“Ftit tax-xhur ilu kien hawn ħofra fl-art. Illum hawn skola medika u ċentru tal-anatomija,” saħaq Ernst.
Fost oħrajn, dan il-laboratorju se jkun jinkludi żona apposta għad-dissezzjoni, fost oħrajn.
Tkellem ukoll il-Viċi Prinċipal tal-Iskola Medika Barts, Steve Thornton li saħaq kif dan il-proġett huwa pass importanti ‘l quddiem għas-saħħa u l-edukazzjoni f’Għawdex.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jinsab kuntent immens meta jħares u jara lil Għawdex jieħu postu bħala ċentru ta’ eċċellenza medika.
Waqt li faħħar il-ħidma ta’ Steward Health Care Malta, il-Prim Ministru insista li dan iċ-ċentru inawgurat illum huwa l-bidu ta’ relazzjoni twila li bdiet ftit tax-xhur ilu biss.
Kompla jisħaq li huwa sodisfatt bil-fatt li f’dan iċ-ċentru se jibdew jistudjaw studenti minn pajjiżi differenti, inkluż l-Indja, il-Kanada, l-Uganda, il-Filipplina, l-Iżvizzera, is-Sri Lanka u oħrajn.
“Irridu li dawn l-istudenti ikunu kburin li jsejħu lill-gżejjer tagħna bħala darhom,” temm jgħid Muscat.