Approvat il-bini ta' residenza għall-istudenti barranin fl-Università

Il-binja se tkun tikkonsisti f'sitt blokok b'waħda minnhom tilħaq għaxar sulari

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat unanimament il-bini ta’ residenza universitarja li se tkun qed tilqa’ fiha 690 student barrani li jiġu Malta biex jistudjaw.

Il-binja, li se tkun qed tinbena bejn l-Università u l-Isptar Mater Dei se tkun magħmula minn sitt blokok separati, b’għoli differenti, bl-aktar blokka għolja se tkun dik ta’ 10 sulari.

Is-sit magħruf bħala Ta’ Gjalpos, żona barra mill-iżvilupp, kienet meqjusa mill-pjani lokali bħala żona riservata “għall-espansjoni futura ta’ istituzzjonijiet tal-Gvern,” inkluż l-Isptar u l-Università.

Il-proġett se jkun qed jinbena minn Vassallo Builders, liema kumpanija kienet l-unika waħda li interressat ruħha fis-sejħa li saret fl-2015.

Il-kumpless se jkun jikkonsisti f’residenzi għal-istudenti, parkeġġ taħt l-art ta’ erba’ livelli, tliet livelli għall-ħwienet, skola tal-lingwa, ġnien intern u anke swimming pool.

250 mill-456 parkeġġ li se jkun jinkludi dan il-proġett, intalbu mill-Gvern biex itaffi xi ftit mill-isfida tal-parkeġġ fl-Università.

Din ir-residenza se tkun qed tbiddel waħda eżistenti f’Ħal Lija li l-kirja tagħha skadiet.

L-amministrazzjoni ta’ Mater Dei kienet oġġezzjonat għal dan l-iżvilupp minħabba effett negattiv li dan il-proġett seta’ kellu fuq il-pazjenti, iżda aktar tard waqqgħet l-oġġezzjoni tagħha.

Għadd ta’ kundizzjonijiet ġew imposti biex kemm jista’ jkun jonqos l-impatt fuq l-isptar waqt il-kostruzzjoni.

More in Politika