Il-Gvern kommess li jintroduċi childcare b'xejn matul il-lejl
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt l-inawgurazzjoni taċ-childcare centre ġdid Lil’ Ville fil-Mosta
More in Politika
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt l-inawgurazzjoni taċ-childcare centre ġdid Lil’ Ville fil-Mosta
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern għadu kommess li tul din il-leġiżlatura ikompli jtejjeb is-servizz taċ-childcare b'xejn, billi fost oħrajn jiġi estiż għal matul il-lejl minħabba ġenituri li jaħdmu b’shifts filgħaxijiet.
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt l-inawgurazzjoni ta' childcare centre ġdid Lil’ Ville fil-Mosta.
Iċ-ċentru huwa xi ftit jew wisq differenti hekk kif il-fundatriċi tiegħu, Christabelle Borg, xtaqet li jkun ibbażat fuq l-idea ta’ villaġġ żgħir fejn it-tfal jesperjenzaw ambjent partikolari ma’ karattri differenti li eventwalment jiltaqgħu magħhom fis-soċjetà .
“Minn April tal-2014, meta l-Gvern beda jwettaq il-wegħda tiegħu li jagħti childcare b’xejn lil kulħadd, kienu 16,000 tifel u tifla u 21,000 ġenitur li gawdew minn dan is-servizz. Din is-sena biss, gawdew minn childcare b’xejn 6,591 tifel u tifla,” qal il-Prim Ministru.
Kompla jfakkar fl-2014 kien hawn 69 childcare centre f’Malta, filwaqt li llum diġà hemm 129 jipparteċipaw fil-programm tal-gvern li jagħti servizz b’xejn lil kulħadd.
Il-Prim Ministru sostna li dawn iċ-ċentri ma jservux bħala post fejn jintefgħu t-tfal biex joqgħodu kwieti iżda huma faċilitajiet li qed jgħinu fl-iżvilupp tat-tfal.
“Qed ninvestu l-flus kemm fit-trobbija tat-tfal kif ukoll fl-indipendenza ekonomika tan-nisa li issa qed ikunu f’pożizzjoni li joħorġu fid-dinja tax-xogħol”, insista Dr Muscat.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo.