'Il-lealtà tiegħi tibqa' dejjem lejn il-PN u l-kap tiegħu' - Puli
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN jikser is-silenzju u jistqar li huwa jibqa' fuq in-naħa ta' Adrian Delia
More in Politika
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN jikser is-silenzju u jistqar li huwa jibqa' fuq in-naħa ta' Adrian Delia
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, saħaq mas-sit illum.com.mt li l-lealtà tiegħu tibqa’ dejjem lejn il-partit u l-kap tiegħu.
Dan is-sit staqsa lil Puli għalfejn kien għadu ma kkummenta xejn dwar is-sitwazzjoni xejn sabiħa li għaddej minnha bħalissa l-Partit Nazzjonalista, hekk kif dawk kollha viċin Adrian Delia ħarġu għonqhom għalih fuq il-midja soċjali.
Fir-risposta tiegħu, Puli saħaq li l-lealtà tiegħu tibqa’ dejjem intatta kif kienet lejn kull kap li kellu l-Partit Nazzjonalista.
“Bħala Segretarju Ġenerali dan nurih bil-ħidma tiegħi aktar milli b’sempliċi post fuq Facebook,” kompla Puli.
Mistoqsi x’jaħseb dwar l-allegazzjonijiet serji ta’ vjolenza domestika li qed jiffaċċja l-Kap Nazzjonalista, Puli saħaq li l-allegazzjonijiet li ħarġu, sal-lum, huma sempliċiment allegazzjonijiet.
Jekk it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista ddikjarat li hija fuq in-naħa ta’ Adrian Delia, mhux l-istess jista’ jingħad għall-Grupp Parlamentari kollu tal-Partit Nazzjonalista.
Ilbieraħ, dan is-sit irrappurta kif diversi Deputati Nazzjonalisti lesti jiffirmaw stqarrija ta' sfiduċja f'Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni u jieħdu l-firem tagħhom għand il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca, jekk dawn jiffurmaw il-maġġoranza tad-Deputati Nazzjonalisti.
Intant, ilbieraħ, Delia rrefera għall-problemi interni fil-Partit Nazzjonalista u insista li l-partit jeħtieġ ikun wara kap wieħed u min għandu problema bil-kap aħjar joħroġ u jitkellem.
Mistoqsi dwar ir-recordings dwaru li qed iduru fuq il-midja soċjali, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hemm diversi recordings li huma ffabbrikati.