Il-Maltin jemmnu li l-iskejjel mhux jipprovdu biżżejjed edukazzjoni dwar l-olokawst
IIbieraħ tfakkret waħda mill-akbar tebgħat fl-istorja tal-umanità: l-olokawst. Minkejja li għaddew ’il fuq minn 70 sena, is-sentiment kontra l-Lhud għadu jimmanifesta ruħu f’forom differenti. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn stħarriġ tal-Ewrobarometru li jistħarreġ il-perċezzjoni tal-Ewropej dwar l-anti semitiżmu. X’jaħsbu l-Maltin?
minn Yendrick Cioffi
L-olokawst. Seħħ aktar minn 70 sena ilu, iżda l-ġrajja għadha tkexkex u tnikket lil kull min jisma’ u jaqra dwarha. F’sentejn, bejn l-1942 u l-1945, mas-sitt miljun Lhudi u Lhudija nqatlu fuq ordni ta’ Adolf Hitler, f’attentat iddisprat biex jiknes darba għal dejjem il-popolazzjoni Lhudija minn fuq wiċċ id-dinja.
Ilbieraħ, kif isir kull sena, din il-ġrajja sewda fl-istorja tal-umanità qed terġa’ tiġi mfakkra mhux biss biex jitfakkru dawk il-miljuni ta’ persuni innoċenti li nqatlu minħabba r-regħba ta’ persuna iżda anke għax illum, aktar minn 70 sena wara, l-anti semitiżmu għadu jimmanifesta ruħu f’forom differenti.
L-edukazzjoni hija meqjusa bħala fattur importanti għall-prevenzjoni tal-anti semitiżmu. Anke jekk l-olokawst jibqa’ wieħed mill-aktar fatturi storiċi magħrufa tat-Tieni Gwerra Dinjija, 55% tal-Maltin jaħsbu li l-iskejjel mhux jipprovdu biżżejjed edukazzjoni u informazzjoni dwar il-ġrajja tal-olokawst.
Fil-fatt, meta mqabbla mal-bqija tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, il-Maltin kienu l-inqas li jaħsbu li l-iskejjel madwar Malta u Għawdex jipprovdu biżżejjed edukazzjoni dwar dan il-ġenoċidju.
Minkejja dan, fost il-Maltin li ħadu sehem fi stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru, kienu ż-żgħażagħ l-aktar li wrew it-tħassib dwar l-antisemnitiżmu. Fost dawk li għandhom bejn il-15 u l-24 sena, 36% wieġbu li l-anti semitiżmu huwa problema f’Malta, filwaqt li 34% jemmnu li dan is-sentiment kontra l-Lhud żdied fl-aħħar ħames snin.
Il-maġġoranza tal-Ewropej jikkunsidraw l-anti semitiżmu bħala problema
Dan l-istħarriġ ta ħarsa lejn il-perċezzjoni tal-Ewropej dwar l-anti semitiżmu u dan wara li fl-10 ta’ Diċembru li għadda, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ppubblikat stħarriġ li wera kif il-Lhud madwar l-Unjoni Ewropea jesperjenzaw sentimenti ta’ mibegħda li jżommuhom lura milli jħossuhom komdi jesponu l-identità tagħhom.
“L-anti semitiżmu jibqa’ jippersisti fl-Unjoni Ewropea u spiċċa biex sar normalizzat,” jgħid dan l-istħarriġ. Fil-fatt, dan l-aħħar Ewrobarometru wera li l-maġġoranza tal-Ewropej jemmnu li l-anti semitiżmu huwa problema f’pajjiżhom.
Iżda jekk il-Maltin kienu l-inqas li jaħsbu li l-iskejjel qed jipprovdu biżżejjed tagħrif dwar l-olokawst, il-maġġoranza tal-istess persuni li wieġbu dan l-istħarriġ qalu li ma jaħsbux li l-anti-semitiżmu huwa problema f’Malta.
Għal din il-mistoqsija, 18% ta’ dawk li ħadu sehem wieġbu li l-anti-semitiżmu huwa problema f’Malta, filwaqt li dan ma tantx jinkwieta lil 68% tal-Maltin. Meta mistoqsija jaħsbux li l-antisemitiżmu żdied fl-aħħar ħames snin, 58% wieġbu li baqa’ l-istess, 6% qalu li naqas filwaqt li 17% jemmnu li żdied.
13% tal-Maltin imħassba dwar l-anti semitiżmu fuq l-internet
L-istħarriġ staqsa wkoll lill-Ewropej jekk jaħsbux li f’pajjiżhom forom differenti ta’ anti semitiżmu huma problema. Il-forom moderni ta’ anti semitiżmu li stħarreġ dwarhom l-Ewrobarometru huma: iċ-ċaħda li fil-fatt seħħ il-ġenoċidju, l-anti semitiżmu fuq l-internet u l-midja soċjali, vandaliżmu ta’ bini u istituzzjonijiet Lhud, ostilità fil-konfront tal-Lhud, tkissir ta’ ċimiterji Lhud, attakki fiżiċi fuq il-Lhud, anti semitiżmu fl-iskejjel u fl-universitajiet, fil-ħajja politika u fil-midja.
Forsi jidhru esaġerati, jew xi ħaġa tal-passat tant li 7% biss tal-Maltin wieġbu li dawn huma problema f’Malta, iżda kieku wieħed kellu jħares lejn il-medja ta’ kif wieġbu ċ-ċittadini mit-28 pajjiż membru, 48% ta’ dawk li ħadu sehem urew it-tħassib tagħhom dwar dawn il-manifestazzjonijiet tal-anti semitiżmu.
Franza kienet fuq nett tal-lista. 75% tal-Franċiżi huma mħassba dwar dawn il-forom ta’ anti semitiżmu. Fl-Iżvezja, fid-Danimarka, fl-Italja, fil-Belġju u fl-Irlanda aktar minn nofs ta’ dawk li ħadu sehem ukoll jemmnu li l-anti-semitiżmu għadu qawwi f’pajjiżhom.
Fl-Iżvezja, jirriżulta li 79% ta’ dawk li ħadu sehem huma mħassba dwar il-fatt li ħafna Żvediżi lesti jmeru l-istorja u ċ-ċifri u jiċħdu li l-olokawst fil-fatt seħħ.
Fost il-forom ġodda ta’ anti semitiżmu, il-kummenti kontra Lhud fuq l-internet u l-midja soċjali, kienu l-aktar li wrew tħassib dwarhom il-Maltin (13%). Mill-banda l-oħra, 6% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ huma mħassba dwar dawk il-Maltin bħalhom li jiċħdu l-olokawst.
Kont taf li ċ-ċaħda tal-olokawst reat kriminali?
U int taf jekk f’pajjiżna ċ-ċaħda tal-olokawst u l-inċitament tal-vjolenza u l-mibegħda kontra l-Lhud humiex meqjusa bħala reati kriminali? F’Malta, il-maġġoranza ta’ dawk li ħadu sehem wieġbu li ma għandhomx idea.
32% wieġbu le u 27% iva meta mistoqsija dwar jekk f’Malta hawnx liġi li tikkriminalizza l-vjolenza jew il-mibegħda kontra l-Lhud. Mistoqsija jekk f’Malta ċ-ċaħda tal-olokawst hijiex reat kriminali, 38% wieġbu le u 16% iva. Il-bqija wieġbu li ma jafux.
U l-kunflitt fil-Lvant Nofsani kien jinfluwenza l-perċezzjoni fuq il-Lhud?
L-istħarriġ staqsa wkoll lill-Maltin u lill-Ewropej kemm jaħsbu li huma infurmati tajjeb jew le dwar l-istorja, it-tradizzjonijiet u l-prattiċi Lhud. 5% biss tal-Maltin wieġbu li huma “infurmati tajjeb,” u dan poġġa lil Malta isfel nett tal-lista.
Ħafna, meta jiftakru fil-Lhud, l-ewwel ħaġa li tiġih f’moħħu huwa l-Kunflitt fil-Lvant Nofsani. F’dan l-istħarriġ, 20% tal-Maltin qalu li dan il-Kunflitt għandu effett dirett fuq kif wieħed iħares lejn il-Lhud, filwaqt li 60% wieġbu li għalihom dan ma jagħmel l-ebda differenza.
Għall-kuntrarju, meta wieħed iqabbel it-28 pajjiż membru flimkien, jirriżulta l-maġġoranza tal-Ewropej, jew 54%, jaħsbu li l-kunflitt fil-Lvant Nofsani jinfluwenza xi ftit jew wisq il-perċezzjoni fuq il-Lhud.
Ta’ min wieħed isemmi li fis-6 ta’ Diċembru li għadda, il-Kunsill Ewropew addotta dikjarazzjoni b’mod unanimu dwar il-ġlieda tal-anti semitiżmu. Din id-dikjarazzjoni tistieden lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni Ewropea biex jieħdu passi konkreti biex jipproteġu aħjar il-komunità Lhudija fl-Ewropa u jkomplu l-ġlieda tagħhom kontra l-anti semitiżmu.
L-istħarriġ fi ftit kliem
- Il-maġġoranza tal-Ewropej jemmnu li l-anti semitiżmu huwa problema f’pajjiżhom
- Terz tal-Ewropej jemmnu li l-anti semitiżmu żdied fl-aħħar ħames snin
- Aktar minn nofs l-Ewropej jemmnu li ċ-ċaħda tal-olokawst hija qawwija f’pajjiżhom
- Żewġ terzi tal-Ewropej ma jħossux li huma infurmati biżżejjed dwar il-komunitajiet Lhud
- Il-maġġoranza jafu li l-inċitament tal-vjolenza u l-mibegħda kontra l-Lhud huwa reat kriminali, l-istess kif inhi ċ-ċaħda tal-olokawst
- Erba’ Ewropej minn kull għaxra jemmnu li l-olokawst huwa mgħallem biżżejjed fl-iskejjel
- Dawk li għandhom livell ta’ edukazzjoni ogħla huma aktar imħassba dwar l-anti semitiżmu.
- Sitt Ewropej minn kull għaxra jemmnu li l-kunflitt fil-Lvant Nofsani jinfluwenza l-mod kif il-popli jħarsu lejn il-Lhud
- L-aktar li huma mħassba dwar l-anti semitiżmu huma l-Iżvizzeri, il-Franċiżi, il-Ġermaniżi, l-Irlandiżi, l-Ingliżi u t-Taljani