F'Ġunju li ġej Malta se tospita s-Summit tal-pajjiżi Ewropej tan-Nofsinhar
Il-mexxejja ltaqgħu f'Ċipru fejn iddiskutew temi komuni fosthom il-migrazzjoni
More in Politika
Il-mexxejja ltaqgħu f'Ċipru fejn iddiskutew temi komuni fosthom il-migrazzjoni
F’Ġunju li ġej, Malta se tkun qed tospita s-Summit tal-pajjiżi Ewropej tan-Nofsinhar wara li ntlaħaq ftehim bejn il-Prim Ministru Muscat u l-mexxejja ta’ Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugal, Spanja u Nicosia.
Il-ftehim intlaħaq waqt il-laqgħa li saret f’Ċipru u li matulha ġew diskussi temi komuni fosthom il-migrazzjoni.
Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Ewropa dejjem kienu fuq quddiem biex jgħinu lill-immigranti, iżda insista li kulħadd għandu jsegwi r-regoli, inkluż l-istati membri kollha u l-NGOs.
Huwa saħaq li s-Summit f’Malta għandu jservi ta’ opportunità biex il-pajjiżi jkompli jaħdmu għal aktar soluzzjonijiet.
Il-pajjiżi qablu li l-qsim tar-responsabbilità ma’ dawk il-pajjiżi l-aktar milquta, għandha tkun fiċ-ċentru tal-politika Ewropeja dwar il-migrazzjoni flimkien ma’ riforma effettiva tas-Sistema Komuni tal-Ażil.
Qablu wkoll li tkompli l-ħidma ma’ pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, fosthom l-Afrika, b’enfasi partikolari fuq l-iżvilupp ekonomiku u miżuri effettivi biex jieqaf it-traffikar uman.
Insistew ukoll dwar l-importanza li jkun implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni maqbul f’Malta waqt il-Valletta Summit.
Apparti dan, il-mexxejja qablu wkoll li jipproteġu l-valuri li sawru l-proġett Ewropew, inkluż is-saltna tad-dritt, il-libertà, id-demokrazija u d-drittijiet umani.
Tista’ taqra hawn id-dikjarazzjoni kollha ffirmata f’Ċipru.