Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza qed tħeġġeġ iktar nisa biex joħorġu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju 2019.
S’issa madwar 30% biss tal-kandidati għall-Parlament Ewropew huma nisa. Għalkemm dan huwa titjib sinifikanti mill-aħħar elezzjoni ġenerali, fejn kien hemm biss 20% tal-kandidati li kienu nisa, Malta għadha ’l bogħod milli tilħaq bilanċ fil-ġeneru fil-listi tal-kandidati.
“Sabiex ikun hemm distribuzzjoni ta’ poter ġusta bejn in-nisa u l-irġiel, huwa essenzjali li iktar nisa jipparteċipaw fil-proċess elettorali,” saħqet l-NCPE waqt li fakkret kif in-nisa MEPs minn Malta huma rikonoxxuti għax-xogħol siewi tagħhom fi ħdan il-Parlament Ewropew.
L-NCPE appellat lill-partiti politiċi biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jinkoraġġixxu lin-nisa jipparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ din is-sena u jiżguraw li n-nisa jkollhom aċċess ugwali għar-riżorsi u jingħataw viżibilità fil-midja, kif ukoll jirrevedu l-istrutturi tal-partit biex jindirizzaw xi ostakli diretti jew indiretti għal parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika.
“Malta għandha tistinka biex iżżomm ir-rappreżentanza ugwali ta’ nisa u rġiel Membri Parlamentari Ewropej li hemm bħalissa, u b’hekk tikkontribwixxi għall-Parlament Ewropew b’iktar bilanċ bejn is-sessi,” temmet tgħid l-istqarrija.