Esperti fl-Intelliġenza Artifiċjali se żjuru Malta għal żewġ laqgħat immirati għan-negozji
L-ewwel laqgħa importanti se ssir nhar il-Ġimgħa 22 ta' Frar
More in Politika
L-ewwel laqgħa importanti se ssir nhar il-Ġimgħa 22 ta' Frar
Nhar 22 ta’ Frar se jitnieda l-AI in Business Malta Expo bl-AI in Business Malta Summit li se jkun seminar ta’ ġurnata u avveniment ta’ netwerking fil-Petite Suite tal-MFCC f’Ta’ Qali.
F’dan l-avveniment se jieħdu sehem kelliema minn fost l-aqwa fid-dinja li se jipprovdu preżentazzjoni prattika tat-teknoloġija tal-Intelliġenza Artifiċjali u l-modi kif din diġà qed tibdel id-dinja u n-negozji.
Imexxi l-panel se jkun hemm Matthew Fenech, li huwa Konsulent dwar il-Politika tal-IA, li fost oħrajn ta s-servizzi ta’ konsulenza tiegħu lill-Parlamenti tar-Renju Unit u ta’ Wales, kif ukoll lil organizzazzjonijiet dinjin bħal Shell, Ricoh, HSBC, Vodafone u d-Development Bank of Japan.
Miegħu se jingħaqdu l-Kap taċ-Ċentru tal-Intelliġenza Artifiċjali u r-Robotika fin-Nazzjonijiet Uniti Irakli Beridze, li beda u mexxa l-ewwel programm tal-organizzazzjoni dwar l-IA u r-Robotika fl-2014 u Charlotte Stix, Assoċjata fir-Riċerka u Uffiċjal għall-Politika fiċ-Ċentru ta’ Leverhulme għall-Futur tal-Intelliġenza fi ħdan l-Università ta’ Cambridge, konsulent dwar il-Politika Ewropea dwar l-IA, u Fellow fi ħdan il-Kunsill dwar il-Futur Globali tal-World Economic Forum dwar in-Newroteknoloġiji u x-Xjenzi tal-Moħħ.
“Illum il-ġurnata, l-intelliġenza artifiċjali tinsab kullimkien,” spjega Fenech. “Ġiet deskritta mill-aqwa ekonomisti fid-dinja bħala ‘l-aktar teknoloġija ġenerali importanti ta’ żmienna, fuq l-istess livell tal-elettriku’. Stephen Hawking innifsu qal li l-IA tista’ tkun ‘l-aqwa […] ħaġa li qatt ġrat lill-umanità.’
L-AI in Business Malta Summit ta’ ġurnata se jagħti wkoll il-bidu għall-AI in Business Malta Expo li se jsir hawn Malta f’Settembru 2019. Dan l-Expo jgħaqqad flimkien għadd ta’ esperti internazzjonali biex jesploraw l-impatt u l-benefiċċji ta’ dan il-fenomenu fuq diversi suġġetti, fosthom is-servizzi finanzjarji, il-manifattura, il-loġistika, it-trasport u s-saħħa – kollha indirizzati mill-perspettiva tal-komunità lokali tan-negozji.
Il-postijiet għall-AI in Business Malta Summit tat-22 ta’ Frar huma limitati. Biex tirriserva post żur www.aibusinessmalta.com.