'In-nisa mhumiex tonn' - Il-PD jisħaq li hu kontra l-kwoti għan-nisa fil-Parlament
Skont il-PD, il-kwoti se jfissru pass lura mill-progress
More in Politika
Skont il-PD, il-kwoti se jfissru pass lura mill-progress
‘In-nisa mhumiex tonn,’ saħaq il-Partit Demokratiku u għaldaqstant iddikjara lilu nnifsu kontra l-kwoti għan-nisa fil-Parlament.
Fi stqarrija, il-PD saħaq li l-introduzzjoni tal-kwoti għan-nisa tkun tfisser pass lura mill-progress li laħqu s’issa, minflok pass ‘l quddiem.
“Din il-forma ta’ diskriminazzjoni pożittiva hija inġusta, degradanti, u fundamentalment mhix demokratika,” tisħaq l-istqarrija.
“Għidniha qabel, u nerġgħu ngħiduha. In-nisa mhumiex tonn, u m’għandhomx ikunu suġġetti għall-kwoti. Qed twaqqa’ l-mara meta tintroduċi kwoti, bħallikieku ma jistgħux jirnexxu bil-ħiliet tagħhom,” saħqet id-Deputat Marlene Farrugia.
Dwar dan tkellmet ukoll il-kandidata għall-Parlament Ewropew Cami Appelgren li insistiet li l-ugwaljanza bil-kwoti, u “l-użu ta’ soluzzjonijiet superfiċjali,” se jinħolqu aktar problemi milli nsolvu.”
Tal-istess opinjoni kien id-Deputat Kap tal-PD Timothy Alden li saħaq li “jekk irridu ngħinu lin-nisa, ejja nagħtuhom s-setgħa, u mhux ninsultawhom jew inwaqqgħuhom billi nimponu kwoti superfiċjali fuq il-pajjiż.”
L-istqarrija temmet tisħaq li l-PD saħaq li huwa jemmen fl-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u għalhekk qiegħed jiddikjara li huwa kontra kwoti skont il-ġeneru fil-Parlament, li fi kliemu, għalkemm tidher diskriminazzjoni pożittiva, xorta tibqa’ forma ta’ diskriminazzjoni.