Opinjoni | Il-mina mhix soluzzjoni: hi problema
Għandu jingħad ukoll li volum kbir ta’ traffiku ser ikun iġġenerat u dan ser jgħaddi viċin ħafna tar-riżerva naturali tas-Simar fix-Xemxija. Il-ħsejjes, id-dwal u t-tniġġis
minn Carmel Cacopardo
Il-mina li hi proposta taħt qiegħ il-baħar bejn Għawdex u Malta ser ikollha impatti negattivi konsiderevoli kemm fuq Għawdex kif ukoll fuq Malta. L-iżjed wieħed ovvju hu l-ġenerazzjoni ta’ madwar miljun u nofs metru kubu ta’ radam li ser jispiċċa fil-baħar. Dan ser jagħti bidu għal ħmar il-lejl ambjentali ieħor: għax l-iżviluppaturi ma baqgħalhomx fejn “jiżviluppaw” fuq l-art! Qed ifittxu l-ispazju. L-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi diġà identifikat fejn dan jista’ jsir. Mhux ta’ b’xejn li r-residenti tax-Xgħajra irvillaw.
Il-problemi assoċjati mal-mina proposta huma bosta. Art agrikola madwar il-punti tad-dħul, fuq iż-żewġ naħat, kemm f’Ta’ Kenuna fil-limiti tan-Nadur kif ukoll ħdejn l-Għerien fil-periferija tal-Mellieħa u matul il-wied tal-Pwales ser ikollha tagħmel il-wisgħa. Din ser tispiċċa tkun trasformata f’toroq kif ukoll f’faċilitajiet għall-kontroll tad-dħul fil-mina. Magħhom imbagħad jiżdiedu pompi tal-petrol, kull naħa tal-mina.
Hu ċar, minn dak magħruf s’issa, li d-dħul għall-mina min-naħa ta’ Malta ser ikun viċin ħafna tal-ilma tal-pjan tal-Miżieb, jekk mhux dritt minn ġo fih ukoll! Dan l-ilma tal-pjan hu f’kundizzjoni tajba, l-aħjar wieħed fil-gżejjer Maltin. Din kienet ukoll waħda mir-raġunijiet ewlenin l-għaliex fil-passat riċenti kellhom ikunu abbandunati żewġ proġetti kbar fl-inħawi, dak tal-golf course u ieħor konness mat-toroq (in-network TEN-T).
L-unika soluzzjoni raġonevoli allura hi l-introduzzjoni ta’ katamaran (fast ferry service) bejn Għawdex u Malta: bejn l-Imġarr f’Għawdex u punti varji mal-kosta f’Malta Carmel Cacopardo
Għandu jingħad ukoll li volum kbir ta’ traffiku ser ikun iġġenerat u dan ser jgħaddi viċin ħafna tar-riżerva naturali tas-Simar fix-Xemxija. Il-ħsejjes, id-dwal u t-tniġġis tal-arja ser ikollhom impatt negattiv konsiderevoli fuq ir-riżerva, b’mod partikolari matul il-lejl, ħin li fih in-natura wkoll tfittex li tistrieħ.
Dawn il-problemi li inevitabbilment jinħolqu mill-mina għandhom iwasslu lil min hu rasu fuq għonqu biex ifittex soluzzjoni alternattiva biex titjieb il-konnettività bejn Għawdex u Malta. Soluzzjoni li tevita dawn il-problemi u iktar.
Ħa nkun ċar: il-konnettività bejn il-gżejjer ta’ Għawdex u Malta teħtieġ titjib konsiderevoli: is-soluzzjoni imma, mhix il-mina. Is-soluzzjoni għandha tkun waħda li tiffaċilita l-moviment bejn il-gżejjer mingħajr ma żżid mal-problemi li diġà għandna. B’mod partikolari għandna nevitaw li nkabbru l-problema tat-traffiku iktar milli hi diġà. Dan nistgħu nagħmluh jekk niżviluppaw soluzzjoni li tnaqqas flok ma tkabbar id-dipendenza tagħna fuq il-karozzi.
Hu stmat li l-mina proposta ser iżżid il-medja kuljum tal-movimenti tat-traffiku bejn il-gżejjer mit-3,000 tal-lum għal madwar 9,000: żieda bi tliet darbiet fuq perjodu ta’ 15-il sena. Wieħed ma jridx wisq għerf biex jifhem dawn iċ-ċifri, li nsibuhom ukoll fl-istudju ekonomiku kkummissjonat fl-2015 mill-Awtorità tat-Trasport u l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija. Għax il-ħlas biex tgħaddi mill-mina ser jinġabar minn fuq kull karozza u allura d-dħul ser jiddependi mill-ġenerazzjoni tal-ikbar ammont possibbli ta’ traffiku. L-eżistenza tal-mina tiddependi fuq dan: bla traffiku ma tistax teżisti. Dan imur kontra l-oġġettiv ewlieni tal-Pjan Nazzjonali tat-Trasport (National Transport Master-Plan 2025) li fi kliem mill-iktar ċar jispjega kemm it-tnaqqis tal-karozzi mit-toroq tagħna hu l-mira fit-tul tal-politika tagħna dwar it-trasport.
Hu ċar, minn dak magħruf s’issa, li d-dħul għall-mina min-naħa ta’ Malta ser ikun viċin ħafna tal-ilma tal-pjan tal-Miżieb, jekk mhux dritt minn ġo fih ukoll! Carmel Cacopardo
Is-soluzzjoni meħtieġa trid tindirizza l-moviment tan-nies u mhux il-moviment tal-karozzi. L-unika soluzzjoni raġonevoli allura hi l-introduzzjoni ta’ katamaran (fast ferry service) bejn Għawdex u Malta: bejn l-Imġarr f’Għawdex u punti varji mal-kosta f’Malta li jistgħu jinkludu x-Xemxija, Tas-Sliema u l-Belt Valletta. Ma’ dan imbagħad ikun hemm ħtieġa tat-titjib tas-servizz tat-trasport pubbliku minn fejn jieqaf il-katamaran għall-bqija tal-pajjiż.
Hu essenzjali li s-soluzzjonijiet li nagħżlu għall-problemi tagħna tat-trasport ikun jħarsu fit-tul ħalli nnaqqsu u mhux inżidu l-problemi li nħallu lil ta’ warajna.
Carmel Cacopardo huwa ic-Chairman tal-Alternattiva Demokratika