Il-kurja tispjega kif fl-2018 żewġ terzi taż-żwiġijiet saru bil-Knisja

Dan jinkludu żwiġijiet li jsiru bejn Maltin u Maltin u Maltin ma' barranin, fosthom anke żwieġ bejn koppji li qabel kienu miżżewġa biss biċ-ċivil

L-Arċidjoċesi ta’ Malta ppubblikat analiżi tal-istatistika taż-żwiġijiet għall-2018 u li fiha saħqet li żewġ terzi taż-żwiġijiet li jsiru bejn Maltin u Maltin u bejn Maltin ma’ barranin huma rreġistrati bil-Knisja.

Fi stqarrija, il-Kurja spjegat kif in-numru ta’ żwiġijiet bil-Knisja fis-sena 2018 kien ta’ 1,192, biċ-ċifra tinkludi wkoll 62 żwieġ f’Malta li ġie konvalidat u li ma jiġux inklużi fit-total ta’ żwiġijiet bil-Knisja mogħtija fil-Parlament. Żwieġ konvalidat ifisser żwieġ ta’ koppji li kienu żżewġu ċivilment biss u li aktar tard għażlu li jiżżewġu wkoll bil-Knisja.

It-total ta’ żwiġijiet bil-Knisja bejn koppji barranin kien ta’ 73 koppja. Jekk wieħed inaqqas iż-żwiġijiet bejn koppji barranin, in-numru ta’ żwiġijiet bil-Knisja bejn koppji Maltin u bejn koppji li parti minnhom kienet Maltija, kien ta’ 1,119.

Mill-banda l-oħra, in-numru ta’ żwiġijiet ċivili fl-2018 kien ta’ 1,423 iżda dan jinkludi wkoll żwiġijiet bejn koppji tal-istess stess, żwiġijiet bejn koppji li żżewġ t-tieni darba u żwiġijiet bejn koppji barranin.

It-total ta’ żwiġijiet ċivili bejn koppji barranin kien ta’ 850. Jekk wieħed inaqqas iż-żwiġijiet bejn koppji barranin, in-numru ta’ żwiġijiet ċivili bejn koppji Maltin u bejn koppji li parti minnhom kienet Maltija, kien ta’ 573.

Għalhekk, it-total ta’ żwiġijiet (ċivili u bil-Knisja) f’Malta fl-2018 kien ta' 2,614 u t-total ta’ żwiġijiet bejn koppji Maltin u bejn koppji li parti minnhom kienet Maltija kien ta’ 1,692.

L-istatistika turi wkoll li mit-total ta’ żwiġijiet f’Malta bejn koppji Maltin ma’ Maltin, u Maltin ma’ barranin, 66% għażlu żwieġ bil-Knisja, u 34% iżżewġu biċ-ċivil.

Dan ifisser li żewġ terzi taż-żwiġijiet li saru bejn koppji Maltin u bejn koppji Maltin ma’ barranin huma żwiġijiet bil-Knisja.

More in Politika