'Il-housing soċjali mhijiex kirja permanenti' - Il-PM jappella għall-bidla fil-mentalità

Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt it-tnedija ta’ proġett ta’ €50 miljun f’housing soċjali

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Dawk li qed jibbenefikaw mill-housing soċjali għandhom jagħmlu spazju għal persuni oħra, jekk is-sitwazzjoni tagħhom taqleb għall-aħjar. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt it-tnedija ta’ proġett ta’ €50 miljun f’housing soċjali.

Dan il-proġett se jkun iffinanzjat mill-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali li jimmaniġja d-dħul mill-bejgħ taċ-ċittadinanza.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru insista li l-Istat qiegħed hemm biex jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn iżda insista li jekk is-sitwazzjoni tal-ħajja ta’ persuni residenti f’housing soċjali tinbidel, għandu jkun hemm sistemi oħra li jagħtu l-appoġġ lil dawn l-individwi, iżda l-appartament jintuża għal persuni oħra li jkunu aktar fil-bżonn.

Kien għalhekk li insista li l-housing soċjali mhijiex kirja permanenti iżda għandu jkun hemm bidla fil-mentalità. “Dan mhux se japplika għal dawk li bbenefikaw minn housing soċjali taħt skemi tal-passat,” qal Muscat, waqt li insista li dan hu mod ġdid kif wieħed għandu jibda jħares lejn is-sitwazzjoni.

Preżentament, 3,000 persuna jinsabu fuq il-lista jistennew li jingħataw appartament bil-Prim Ministru jisħaq li 89% ta’ dawn il-każijiet ilhom fuq il-lista tal-istennija minn qabel l-2013.

Se jinbnew 500 mitt appartament f'diversi lokalitajiet

Dan il-proġett ta’ €50 miljun ewro se jkun qed jara l-binja ta’ 500 appartament, bil-Prim Ministru jiddeskrivih bħala l-akbar investiment fil-housing soċjali għal diċenji.

Skont il-Memorandum of Understanding, iffirmat bejn dan il-fond u l-Awtorità tad-Djar, dan il-proġett se jkun qed jara l-binja ta’ dawn l-appartamenti f’diversi lokalitajiet.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay saħaq li l-pjan huwa li dawn l-appartamenti jkunu mifruxa madwar Malta biex ma jkunx hemm konċentrazzjoni f’ċertu lokalitajiet biss.

Il-lokalitajiet identifikati huma Raħal Ġdid, Ħal Kirkop, ir-Rabat, Ħaż-Żabbar, Ħal Luqa, iż-Żurrieq, is-Siġġiewi, il-Qrendi u Wied il-Għajn.

Intant, tul il-konferenza, il-Prim Ministru insista li dan il-proġett ma għandux ikun konfuż ma’ housing affordabbli. Fakkar li dan is-settur se jkun indirizzat b’riforma fis-suq tal-kera.

Is-sena li għaddiet, il-Gvern kien ressaq il-White Paper dwar il-kirjiet privati liema White Paper il-Gvern qal li qed iressaqha biex joħloq aktar stabbilità fis-suq. Fost il-miżuri li ppropona u li l-aktar li tkellem dwarha kien hemm dik dwar il-bżonn li jkun hemm durata minima, jiġifieri li kuntratt ta’ kirja privata ma jistax ikun iqsar minn perjodu ta’ żmien.

L-ILLUM kienet żvelat li l-Gvern qed iħares lejn minimu ta’ sena li iżda tkun ikkumplimentata b’inċentivi fiskali għal dawk li jagħmlu kuntratti li huma itwal minn hekk.

More in Politika