'Il-Gvern ammetta li dan il-ftehim hu mnawwar u jinten' - Delia

Adrian Delia staqsa x'ġara mill-Ħadd 'l hawn biex il-Prim Ministru biddel kliemu stess

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li f’ħamest ijiem, il-Prim Ministru Joseph Muscat qaleb kliemu stess u filwaqt li sal-Ħadd li għadda qal li l-ftehim mal-Corinthia huwa meħtieġ għall-iżvilupp ekonomiku ta’  Malta, issa kellu kellu jammetti li dan il- ftehim kien ħażin u jirtirah.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, wara li sar magħruf li l-Ministru Konrad Mizzi se jippreżenta lill-Parlament ftehim ġdid mal-Corinthia, Adrian Delia qal li l-Gvern Laburista llum kellu jammetti li dan il-ftehim kien ħażin u rtirah.

“L-irtirata tal-Gvern hi ammissjoni fiha nnifisha li dan il-ftehim hu mnawwar u jinten,” saħaq Delia.

“Dan il-ftehim tħabbar apposta qabel il-Milied biex il-Gvern jgħaddih, mingħalih, inkiss inkiss, imma l-Oppożizzjoni sigħat biss mit-tħabbira qalet mill-ewwel li kienet se topponih,” kompla Delia.

Temm jisħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jopponi l-ftehimiet tal-Gvern Laburista u li fi kliemu jmorru kontra l-interess pubbliku, inkluż il-ftehim mal-Vitals Global Healthcare.

Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat li anke deputati tal-Gvern u membri tal-Kabinett kienu qed jopponu dan il-ftehim.

More in Politika