'L-eleganza tat-toroq ta' Ħ'Attard qed tinbidel f’ġungla tal-konkos' - AD

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, l-Alternattiva Demokratika ilmentat dwar kif qed ikun żviluppat dan ir-raħal antik għad-dettriment tar-residenti

Kostruzzjoni
Kostruzzjoni

Iċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratiku, Carmel Cacopardo, f’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-ċentru ta’ Ħ’Attard, saħaq li dan ir-raħal huwa fgat bit-traffiku u l-bini bla rażan.

Cacopardo saħaq li dawn huma problemi ewlenin f’żoni urbani li qed joħolqu pressjoni kbira fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

“L-iskema ta’ razzjonalizzazzjoni approvata fl-2006 illum il-ġurnata qed jinħassu l-impatti tagħha. Għax f’diversi partijiet ta’ Ħ’Attard għaddej żvilupp massiċċ li hu konsegwenza diretta ta’ dik id-deċiżjoni,” saħaq Cacopardi. “Dan qed iwassal biex l-eleganza ta’ toroq bi djar baxxi qed tinbidel u tkun sostitwita b’ġungla tal-konkos.”

Kien għalhekk, li saħaq li hemm ħtieġa dejjem ikbar li jkunu żviluppati u nkoraġġiti faċilitajiet ta’ transport alternattiv.

 Fakkar li f’dawn il-ġranet Alternattiva Demokratika wieġbet għall-istrateġija dwar iċ-ċikliżmu li dwarha kienet qed issir konsultazzjoni pubblika.

“Emfasizzajna l-ħtieġa li titjieb l-infrastruttura għaċ-ċikliżmu li minkejja l-inizjattivi li kontinwament jieħu l-kunsillier ta’ Alternattiva Demokratika f’Ħ’Attard għadha nieqsa. Transport Malta mhux ta’ għajnuna u ma jidhrux entużjasti fuq trasport alternattiv,” insista Cacopardo.

Kien hawn li insista li fit-toroq huma n-nies li għandhom jingħataw prijorità u mhux il-karozzi u dan b’mod partikolari fit-toroq dojoq tal-ibliet u l-irħula tagħna. Spjega li dan jista’ jsir b’diversi modi fosthom bit-tnaqqsis tal-veloċità f’żoni residenzjali għal massimu ta’ 30 kilometru fis-siegħa kif ukoll bl-iżvilupp tal-infrastruttura b’tali mod li tkun inkoraġġita iktar l-użu tar-roti.

Ħ’Attard hu wieħed mill-lokalitajiet li fih Alternattiva Demokatika kienet kwazi dejjem preżenti b’kunsillier elett u dan sa mit-twaqqif tal-Kunsill Lokali 25 sena ilu.

Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta’ AD illum ilu kunsillier f’Ħ’Attard għal aktar minn 15-il sena.

More in Politika