Jason Azzopardi jirċievi envelope bil-kokaina ... jirraporta lill-Pulizija
Il-Pulizija dalgħodu jikkonfermaw miegħu illi t-trab huwa 'kokaina' ... jgħid li dan huwa 'frame up' kontrieh
More in Politika
Il-Pulizija dalgħodu jikkonfermaw miegħu illi t-trab huwa 'kokaina' ... jgħid li dan huwa 'frame up' kontrieh
Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fi stqarrija qal illi l-Ġimgħa li għadda filgħaxija "jien ġbart kif nagħmel regolarment, il-korrispondenza tiegħi mir-reception tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Fost il-korrispondenza li kelli kien hemm envelope abjad jidher li mibgħut mill-Ġermanja."
Kompla jgħid li appena wasal id-dar fetaħ il-korrispondenza li kellu nkluż dan l-envelope. "Dan l-envelope, li kellu ismi u l-indirizz tad-Dar Ċentrali kien stampat b'tipi kbar fuq karta żgħira li kienet inkullata mal-envelope abjad. Fih sibt sachet ta' kulur tal-fidda li kien inkullat ma' karta A4 bajda li ma kellha ebda kitba fuqha. F'dan is-sachet kien hemm sachet ieħor iżgħar tal-istess kulur u kwalità."
Qal illi kif fetaħ dan it-tieni sachet, "insib trab abjad b'riħa partikolari li qatt ma kont rajt jew xammejt bħalu. Mal-ewwel infurmajt lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u għedtilhom li anke jekk dawn kienu ċirkostanzi li ma kienu qed jagħmlu ebda sens u loġika, jien ridt nagħmel rapport lill-Pulizija għal kull bon fini biex b'hekk inkun nista' nitlob li ssir inkjesta Maġisterjali li permezz tagħha inkun naf x'kien dan it-trab. It-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qablet miegħi mal-ewwel, u hekk għamilt dak il-ħin stess."
"Għal habta tal-11pm jum il-Ġimgha jien għaddejt lill-Pulizija l-envelope u l-kontenuti tiegħu u bil-lejl stess ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li fetħet inkjesta Maġisterjali. Ftit tal-ħin ilu ġejt infurmat mill-Ispettur Wayne Camilleri tal-Pulizija, li minn hawn irrid nirrngrazzjah għad-dedikazzjoni u serjetà f'ħidmietu, li l-espert kimiku tal-Qorti kkonkluda li dan it-trab kien jikkontjeni l-kokaina. Ninsab infurmat li l-investigazzjoni tal-Pulizija tinsab għaddejja."
"Fuq livell politiku ma nistax ma nurix li jien nemmen li dan kien attentat viljakk u tat-tqalliegħ għal frame up fuqi minn min mingħalih se jintimadani f'ħidmieti. Min hawn ngħidlu: m'intomx se tgħalquli ħalqi. Grazzi li saħħaħtuli r-rieda tiegħi li nagħti kulma għandi biex nibqa' niġġieled il-qerq u l-ħazen organizzat li herra lil Malta."