'Min hu korrott mhux denju jmexxi lil pajjiżna' - Adrian Delia
- Delia jakkuża lill-Gvern bi ħtif tal-istituzzjonijiet u qal lil Muscat li min hu korrott ma jista' qatt jiġġieled il-korruzzjoni
- Jgħid illi dan il-gvern m'għandux kuxjenza soċjali u jemmen f'ekonomija taċ-cheap labour
minn Albert Gauci Cunningham
Waqt l-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista (PN) il-Kap tal-istess partit Adrian Delia qal illi filwaqt li Muscat kien ikkwota lil Eddie Fenech Adami meta dan qal li 'min ma jiġġilidx il-korruzzjoni huwa korrott' hu jfakkar lil Muscat li "min huwa korrott ma jista' qatt jiġġieled il-korruzzjoni. Min hu korrott mhux denju jmexxi pajjiżna."
Delia beda d-diskors tiegħu bil-kwistjoni tal-governanza u kkwota rapport tal-Kummissjoni Ewropea ppublikat fl-aħħar sigħat li fih "jaraw li Malta hija mifnija ... anke l-Economist jgħid li Malta u Ċipru sar għandhom l-isem ta' pajjiżi ta' ħmieġ finanzjarju. Dan huwa l-legat li se jħalli warajh Muscat," sostna Delia. "Muscat li ħalla l-Bank Pilatus jiftaħ, ħalla lil Ali Sadr Hasheminejad jiftaħ liċenzja tal-bank bil-ħmieġ li għamel ximkien ieħor u quddiem dan kollu Muscat jipponta subgħajh lejn il-banek u jgħidilhom biex jillaxkaw." Delia kien qed jirreferi għal diskors li kien għamel Muscat illi fih kien ħeġġeġ lil banek ikunu inqas iebsin fl-għoti tas-self.
Huwa kkwota wkoll lil Transparency International u l-fatt li Malta niżlet fl-indiċi tal-korruzzjoni biex ġiet fl-iktar post baxx li qatt ġiet. "Minflok ħadu azzjoni kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi, ittieħdu passi kontra min kellu l-kuraġġ jikxef, Jonathan Ferris," qal Delia li akkuża lill-Gvern bil-ħtif tal-istituzzjonijiet. L-eks Spettur tal-Pulizija Jonathan Ferris kien mkeċċi mill-FIAU fejn kien qed jaħdem fuq ċerti każi u investigazzjonijiet, fosthom dwar il-Panama Papers.
'Id-demokrazija tinsab taħt attakk ...'
Adrian Delia tkellem dwar ir-rapport tal-Ombudsman li tratta l-promozzjonijiet fl-armata. "Vera b'mod demokratiku tela' tal-Gvern, imma beda jaħtaf l-istituzzjonijiet waħda wara l-oħra, inkluż l-armata." Huwa qal li r-rapport huwa ċertifikat li d-demokrazija f'pajjiżna għal darb'oħra hija mhedda"u dan jgħodd ukoll għall-Korp tal-Pulizija. Kummissarju wara ieħor, wara ieħor sakemm sab pupazz," qal Delia b'referenza għall-Kummissarju Lawrence Cutajar.
Huwa qal illi l-Gvern ta lilu nnifsu l-poter biex jagħti l-art pubblika u l-isptarijiet b'xejn lill-ħaddieħor. "Ġab l-istituzzjonijiet li jiddefendu lill-poplu, jiddefendu lilu," qal Delia li dwar il-każ tal-viżas għall-Alġerini fakkar illi l-informazzjoni kollha kienet mitlufa skont kliem l-Awditur Ġenerali.
Dan Gvern bla kuxjenza soċjali
"Dan suppost Gvern li jieħu ħsieb iż-żgħir imma tmur fejn tmur issib żgħażagħ li ma jistgħux isiru sid ta' darhom. Żgħażagħ li għandhom paga medja imma la jistgħu jixtru u lanqas jikru għax f'appartament wieħed minflok qed idaħħlu żewġ barranin jew tlieta, qed ikun hemm sitta jew disa' jew tnax. U issa ħaddiema li qed jgħixu fil-kontejners, fl-aqwa żmien. Dan Gvern bla kuxjenza soċjali," saħaq il-Kap tal-PN.
"Iċ-ċifri juru li ż-żgħażagħ tagħna huma l-inqas (fl-UE) li qed jibqgħu jistudjaw," qal Delia li fakkar illi apparti dan 90% tal-edukaturi jsofru minn inċidenti ta' ta' bbuljar.
"Is-surplus tagħna m'għandux ikun li nġibu aktar barranin imma biex ninvestu fiż-żgħażagħ tal-lum, li l-uniku soluzzjoni biex ilaħħqu bħalissa huwa li jitilqu minn pajjiżna. U l-Gvern ma tantx donnu jimpurtah. Kull mhu qed jagħmel iġib il-barranin biċ-cheap labour."
Delia qal li l-PN m'għandu xejn kontra l-barranin, imma favur setturi li jattiraw barranin ta' kwalità bħal dawk illi qal li ġab il-PN meta kien fil-Gvern..
'Dan il-Gvern minflok middle-class, ħoloq underclass'
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli qal illi minkejja li l-partit esperjenza rekord fit-tesserati fl-2018, xorta qed issir ħidma biex isir kuntatt ma' dawk li ddeċidew li ma jibqgħux iħallsu t-tessera.
Huwa għamel aċċenn għall-intervista li dehret fuq il-gazzetta ILLUM ma' Sammy Meilaq, illi fiha sostna li huwa falliment li taħt dan il-Gvern hawn nies bla saqaf fuq rashom. "Spiċċajna bil-food banks...falla (il-gvern) meta ma beniex post wieħed tal-Gvern. Falla meta ma qeridx il-prekarjat imma jimporta ċ-cheap labour," qal Puli b'refernza għal numru ta' barranin li qed ikunu "importati" mit-Turkija biex jaħdmu fuq numru ta' proġetti.
"Dan il-Gvern ħoloq faqar ġdid, ta' working poor ta' nies li jgħixu fil-karozza u minn naħa l-oħra ħoloq klikka ta' barunijiet," sostna Puli.
"Joseph Muscat huwa champagne socialist," sostna għat-tbissima ta' dawk preżenti.
"Jekk toqgħodu d-dar, il-Labour ikollok," qal Puli lill-votanti Nazzjonalisti li beħsiebhom jibqgħu d-dar u ma jivvutawx f'Mejju li ġej. Is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal li l-partit se jmur għall-elezzjoni tal-MEPs bħala underdog, anke jekk kompla jgħid li aktar kemm tkun iebsa l-isfida aktar il-Partit Nazzjonalista jaħdem qatigħ.
Puli għalaq id-diskors bil-kliem, "kuraġġ! Kuraġġ!"