Daqshekk karozzi diesel u petrol...Imma din mhux żejda?

...lanqas xejn! Fil-fatt il-karozzi huma wieħed mill-akbar fatturi li qed iwasslu għal żieda fit-tniġġis fl-arja u r-riperkussjonijiet kollha li ġġib magħha. Pajjiżi madwarna diġà ddeċidew meta se jwaqqfuhom, Malta miexja f’dik it-triq...

Illum l-għarfien dwar is-saħħa kiber ħafna. Kulħadd joqgħod attent x’jiekol u jagħmel l-eżerċizzju biex jibqa’ b’saħħtu. Imma kemm qed nagħtu kas ukoll l-arja li rridu nieħdu b’mod inevitabbli? Kemm qed naraw, kemm aħna bħala poplu imma wkoll l-Ewropej u l-popli kollha, li n-nifs li qed nieħdu huwa wieħed nadif?

“L-ispiża tal-pajjiżi hija enormi. It-tniġġis tal-arja taffettwa l-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja. Twassal għal mard kroniku u għall-imwiet.” Hekk sostniet dwar it-tniġġis tal-arja Maria Neira, Direttur tas-Saħħa Pubblika tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna l-mira tal-Gvern biex jitwaqqaf il-bejgħ tal-karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel, mira li għadha mhix iddatata. Imma għalfejn din il-mira? U min bħalna għamel din il-mira? U x’qed tesiġi l-Unjoni Ewropea? Imma l-karozzi se jogħlew?

Imma d-dijossidu tal-karbonju li noħolqu mill-karozzi x’inhu eżatt?

Wieħed mill-aktar fatturi li jwasslu għat-tniġġis huma l-karozzi, li jitfgħu d-dijossidu tal-karbonju (CO2) fl-arja.

Imma ħa nidbew bir-raġuni għalfejn dan id-dijossidu huwa ħażin. L-ewwel nett is-CO2 huwa tip ta’ gass serra. Ngħidulu hekk għaliex joħloq l-effett ta’ serra madwar id-dinja bil-konsegwenza li l-pjaneta żżid fis-sħana hekk kif dawn il-gassijiet jibqgħu madwar l-istess pjaneta.

Bħalissa s-CO2 jirrappreżenta 84% tal-gassijiet serra kollha li jipproduċi l-bniedem u jitla’ għal total ta’ 30 miljun tunnellata fis-sena. Ħafna minn dawn il-gassijiet ġejjin mill-ħruq ta’ fjuwils biex ikun iġġenerat l-elettriku u mit-trasportazzjoni.

L-effett ta’ dawn il-gassijiet serra huwa żieda gradwali fit-temperatura, li qed twassal (fost oħrajn) għal żidiet fil-mard respiratorju filwaqt li jibda jinħall is-silġ tal-poli, b’żieda allura fil-livell tal-baħar u l-ilmijiet.

Anne Marie Helminstein, tabiba, tfakkar illi d-dijossidu tal-karbonju huwa parti mill-arja li nieħdu u allura huwa importanti għall-ħajja, imma f’ammonti kbar kif qed jinħoloq bħalissa jista’ jkun tossiku.

Imma jiena kif se nintlaqat?

Min jgħix f’postijiet fejn it-tniġġis fl-arja huwa għoli ħafna u allura l-ammont ta’ CO2 ma jibqax f’livelli “normali” jinsab f’riskju ogħla ta’ mard. Is-sit eMedMag.com jinnota li kien hemm każi ta’ vvalenar bis-CO2 jew deterjorazzjoni tal-funzjonijiet respiratorji.

Jekk ikun hemm wisq CO2 fid-demm tiżviluppa l-kundizzjoni magħrufa bħala hypercapnia li żżid l-aċidità u twassal għall-falliment fil-funzjonijiet tal-qalb.

Wisq C02 iwassal għal ħsara fis-sistema ċentrali tan-nervituri jew inkella asphyxia.

U l-karozza tiegħi kemm se tkun qed tniġġes?

Fl-2009 u l-2014  l-UE introduċiet livelli legali ta’ CO2 ta’ karozzi ġodda mill-2015 tkun ta’ 130 gramma CO2 kull kilometru li tinżel għal 95 gramma kull kilometru fl-2021.

Fl-2017, skont ċifri mill-Kummissjoni Ewropea (KE), il-medja ta’ emmissjonijiet kienet ta’ 118.5 gramma kull kilometru kwadru.

Il-limiti tal-emissjonijiet fl-Ewropa jinħadmu skont it-toqol tal-karozza, naturalment ikbar ma hi l-karozza tiegħek aktar qed tħammeġ.

12% tal-emmissjonijiet ta’ CO2 fl-Unjoni Ewropea ġejjin mill-karozzi. Tajjeb wieħed ifakkar illi bejn l-1990 u l-2010 l-emmissjonijiet mit-trasport fl-UE żdiedu bi kważi 23%. Dan wassal biex it-tnaqqis globali ma kienx kbir daqs kemm xtaq il-kontinent.

Naturalment hemm diskussjoni sħiħa dwar l-effett tat-tip ta’ karozzi u fosthom jekk karozzi kbar (SUVs) humiex qed jibbilanċjaw it-tnaqqis ta’ CO2 fl-arja minn karozzi żgħar.

Imma l-prezzijiet se jiżdiedu?

Dawk li jimmanifatturaw il-karozzi se jkollhom spejjeż żejda x’jiffaċċjaw biex jassiguraw li l-emmissjonijiet ikunu skont dak li ddeċidiet l-UE (ara kaxxa oħra). Il-Kummissjoni Ewropea tgħid li mhux ċar jekk dawn l-ispejjeż żejda humiex se jkunu riflessi fil-prezz lill-konsumatur inkella jekk hux se jkun hemm xi forma ta’ sussidju minn pajjiżi differenti biex iż-żieda ma tkunx drastika.

Minkejja dan, il-Kummissjoni Ewropea tfakkar illi ż-żieda fil-prezz inizjali tkun ikkumpensata għax ma jkollokx għalfejn tibqa’ tixtri fjuwil. Skont importatur lokali, il-prezz biex tagħmel ‘recharge’ jiswa €3 kull 100 mil li tagħmel il-karozza.

U f’Malta hawn ħafna karozzi?

Skont statistika li tirrifletti s-sena 2016 Malta kienet it-tielet pajjiż li fih karozzi għal kull 1,000 abitant. Qabel Malta hemm il-Lussemburgu u l-Italja, bil-Lussemburgu l-aktar li tirreġistra 662 karozza kull 1,000 abitant, l-Italja 625 u Malta 615.

L-inqas ammont ta’ karozzi kien fir-Rumanija, l-Ungerija u l-Latvja.

Anke jekk ammont kbir ta’ karozzi huwa probabbilment ukoll sinjal ta’ ġid, iktar karozzi li jaħdmu bid-diesel u l-petrol ifisser aktar tniġġis.  Fl-istess sena ħarġu 16,712-il karozza ġdida f’pajjiżna. Minn dawn 11,176 kienu karozzi li jaħdmu bil-petrol u 5,451 jaħdmu bid-diesel.

Liema pajjiżi u bliet ħabbru li se jwaqqfu l-bejgħ ta’ karozzi bil-petrol u d-diesel?

Sal-2025 il-bliet kapitali ta’ Pariġi, Madrid, Ateni u Mexico City se jkunu waqqfu l-bejgħ ta’ karozzi li jaħdmu bil-fjuwils u allura jibdew bil-mod, il-mod jaqilbu għal karozzi li jaħdmu bl-elettriku jew hybrid.

Ir-Renju Unit ħabbar li sal-2040 se jipprojbixxi l-bejgħ tal-karozzi li jaħdmu bil-petrol u diesel, filwaqt li n-Norveġja qed iħarsu lejn l-2025.

L-Indja, li għandha fost l-aktar bliet li huma l-aktar imniġġsin fid-dinja (sors: CNN) qed tħares lejn l-2030 biex twaqqaf il-bejgħ ta’ karozzi li jħammġu filwaqt li fil-Ġermanja, Angela Merkel faħħret din it-tip ta’ politika u qalet li jkun jagħmel sens li l-Ġermanja wkoll tieħu din l-inizjattiva. Hi ma qalitx iżda meta l-Ġermanja mistennija tagħmel din il-qalba.

L-Awstrija, id-Danimarka, l-Irlanda, l-Olanda, il-Ġappun, il-Portugall, il-Korea u Spanja lkoll iffissaw data uffiċjali ta’ meta se jieqaf il-bejgħ ta’ dawn it-tipi ta’ karozzi.

F’Malta, sa nhar it-Tlieta li għadda, waqt laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar il-bżonn li anke Malta timxi fuq il-passi ta’ dawn il-pajjiżi u mar pass oltrè. Huwa għamel il-proposta li Għawdex tkun proġett pilota u din issir gżira illi fuqha jkun hemm karozzi li jaħdmu bl-elettriku biss.

Imma allura se jkollok tixtri karozza ġdida?

Le. Il-bejgħ u x-xiri tal-karozzi bid-diesel u petrol se jkun projbit u mhux il-karozzi nfushom. B’hekk minn wara d-data li għad trid tkun speċifikata, malli l-karozza tiegħek ma tibqax tajba jkollok tixtri waħda li taħdem bl-elettriku jew hybrid.

More in Politika