Tnaqqis sostanzjali fl-amputazzjonijiet maġġuri u minuri kawża tad-dijabete
Qal dan id-Deputat Prim Ministru waqt li kien qiegħed jagħmel żjara fid-Diabetic Foot Ward tal-Isptar Mater Dei
More in Politika
Qal dan id-Deputat Prim Ministru waqt li kien qiegħed jagħmel żjara fid-Diabetic Foot Ward tal-Isptar Mater Dei
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fl-aħħar snin il-Gvern qassam madwar 27,000 magna li biha l-individwu jkun jista’ jiċċekkja u jikkontrolla hu stess il-livell taz-zokkor kif ukoll l-istikek lil madwar 30,000 pazjent tad-dijabete bi spiża ta’ €16-il miljun.
Huwa qal dan waqt li kien qiegħed jagħmel żjara fid-Diabetic Foot Ward tal-Isptar Mater Dei, fejn saħaq ukoll li l-Gvern introduċa mediċini ġodda tad-dijabete li minnhom qegħdin jibbenefikaw madwar 3,000 pazjent
“Bil-miżuri li introduċejna, flimkien ma’ mediċini ġodda, beda mill-ewwel jirnexxielna nnaqqsu l-qtugħ maġġuri u allura ovvjament ikun ifisser li jiżdiedu l-każijiet ta’ qtugħ minuri, peress li tkun salvajt il-qtugħ minn taħt l-irkoppa imma tkun żidt il-qtugħ minuri, tas-swaba jew ta’ parti mill-pala tas-sieq,” spjega l-Ministri.
Fil-fatt, jirriżulta li kien hemm tnaqqis ta’ 30% tal-każijiet ta’ qtugħ maġġuri, iżda apparti minn hekk, kompla jispjega Fearne, għall-ewwel darba kien hemm tnaqqis ukoll fl-amputazzjonijiet minuri.
Il-Pjan Nazzjonali għad-Dijabete, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta, daħal fis-seħħ f’Diċembru tas-sena 2015, filwaqt li f’Diċembru tas-sena 2017 kienet ġiet inawgurata fl-Isptar Mater Dei id-Diabetic Foot Ward bil-għan li fiha tilqa’ pazjenti dijabetiċi li jkollhom konsegwenzi f’saqajhom.
Din is-sala, li tgħaqqad żewġ speċjalitajiet f’daqqa, dik tal-kirurġija u dik tal-mediċina, fl-aħħar 14-il xahar laqgħet fiha madwar 750 pazjent.
Fis-sala hemm 15-il sodda u kienet swiet €400,000 biex saret.
“Il-marda tad-dijabete hija komuni ħafna fostna l-Maltin u l-Għawdxin. L-agħar konsegwenzi tagħha jirrigwardaw iċ-ċirkolazzjoni u n-nervituri. Madankollu, jekk wieħed jagħraf jimxi, hija marda kontrollabbli. Ma jfissirx li ma jibqax ikun hemm kumplikazzjonijiet imma qegħdin niksbu riżultati inkoraġġanti ħafna”, qal id-Deputat Prim Ministru.
Huma dawn il-kumplikazzjonijiet taċ-ċirkolazzjoni li jistgħu jwasslu għall-qtugħ fir-riġlejn, kemm maġġuri kif ukoll minuri.
Id-Deputat Prim Ministru irringrazzja lil dawk kollha li qegħdin jagħtu sehemhom fid-Diabetic Foot Ward għax-xogħol professjonali u d-dedikazzjoni tagħhom li wasslu biex jinkisbu r-riżultati li qegħdin jinkisbu.
Bil-għan li l-pubbliku jinżamm aktar konxju tal-ħtieġa tal-prekawzjoni u ta’ mezzi preventivi kontra l-marda tad-dijabete, riċentement il-Ministeru għas-Saħħa b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali beda sensiela ta’ laqgħat fl-ibliet u fl-irħula li matulhom il-pubbliku mhux biss jingħata pariri għal ħajja aħjar imma wkoll isiru testijiet għaz-zokkor u l-pressjoni