Attivisti ta' Sea-Watch ħatja li ħażżew slogans fuq il-pont tal-Kappara
It-tliet attivisti ġew ordnati jħallsu €6445 għad-danni li kkawżaw.
More in Politika
It-tliet attivisti ġew ordnati jħallsu €6445 għad-danni li kkawżaw.
Illum fil-Qorti tliet attivisti tal-Sea-Watch ammettew li għamlu ħsara fuq proprjetà pubblika billi ħażżu diversi slogans fuq il-pont tal-Kappara.
L-islogans kienu forma ta’ protesta minn naħa ta’ dawn l-attivisti, li riedu jagħmlu pressjoni lill-Gvern biex jiftaħ il-portijiet u jaċċetta f'Malta immigranti maqbuda f’nofs ta' baħar.
It-tliet persuni kollha ta’ nazzjonalità barranija ġew mixlija li kkawżaw danni ta’ aktar minn €6445 fuq il-pont tal-Kappara.
Skont ix-xhieda tal-Ispettur Colin Sheldon, il-Pulizija qabdu lit-tliet attivisti jħażżu dawn l-islogans fil-fatt.
L-avukat tad-difiża qal fil-Qorti li huma kienu lesti jħallsu l-€6445 lil Transport Malta, ġaladarba l-karti tal-kreditu tal-bank tagħhom jiġu ritornati lilhom mill-pulizija.
Wieħed mill-avukati tad-difiża, Malcolm Mifsud, argumenta li l-akkużati kienu ikkooperaw bis-sħiħ mal-Pulizija u kienu lesti biex jħallsu għad-danni.
“Dawn huwa attivisti ta’ Sea Watch, Il-qorti hi konxja tal-kontroversja dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Dawn riedu jwasslu punt imma m’għamlux dan bil-mod korrett,” saħaq Mifsud.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti sabet lill-akkużati ħatja tal-akkużi iżda ħelsithom mill-arrest.
Huma ġew ordnati jħallsu s-somma ta' € 6445 lil Transport Malta fi żmien 3 ijiem.
L-avukati Malcolm Mifsud u Gianluca Cappitta dehru għall-akkużati.