Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sostna illi f'Malta l-ħaddiema qed jaraw il-pagi tagħhom jonqsu filwaqt li l-ħajja qed togħla, "speċjalment l-ikel u l-prodotti essenzjali."
"Dawn id-diffikultajiet ġodda għall-ħaddiema qed jaslu bil-politika bla pjan tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni flok bil-produzzjoni. Dan in-nuqqas ta' pjan qed joħloq problemi f'bosta setturi fosthom il-pagi biċ-cheap labour li qed ikompli jgħolli rasu, u bil-ħaddiema Maltin qed jispiċċaw f'din il-morsa."
Il-PN kien qed jagħmel referenza għaċ-ċifri maħruġin mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) u li dan is-sit irrapporta dwarhom. Il-PN fil-fatt fakkar li l-inflazzjoni fi Frar kienet l-ogħla li qatt kienet fl-aħħar sena, bl-ikel ikun l-akbar fattur li qed iwassal għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja.
Iktar minn hekk il-PN sostna li l-Eurostat wera' kif "Malta kienet l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn gie rreġistrat tnaqqis fil-labour costs, li huma s-salarji u l-pagi tal-ħaddiema. Din mhux l-ewwel darba li pajjiżna rreġistra tnaqqis fis-salarji u l-pagi, bl-istatistika turi li kien hemm tnaqqis matul it-tielet kwart tas-sena li għaddiet ukoll. Dan kollu jikkonfermaw dak li qalu esperti u konsulenti tal-Gvern stess fosthom Yana Mintoff, li l-mudell ekonomiku tal-Gvern qed iwassal għaċ-cheap labour."