'Mur għand Maġistrat bħal m'għamilt jien' - Muscat lil Delia f'Wied il-Għajn

...imma fil-Mellieħa Delia jinsisti li ż-żejt se jitla' f'wiċċ l-ilma u li l-Gvern Laburista qed jasal fl-estremitajiet

Meta kien qed jitkellem dalgħodu f'Wied il-Għajn il-Prim Ministru Joseph Muscat ħeġġeġ lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex imur il-Qorti u jitlob lil Maġistrat jindaga fl-allegazzjonijiet kontrieh, kif għamel hu meta kien hemm l-akkużi fir-rigward ta' Egrant. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jiffaċċja akkużi ta' tranżazzjonijiet finanzjarji minn negozju ta' allegat ċirku ta' prostituzzjoni f'Soho, Londra mmexxi minn żewġt aħwa Maltin. Daphne Caruana Galizia kienet akkużat lil Delia li kellu kont f'Jersey li minnu setgħu kienu qed jgħaddu l-flus u li Delia qatt ma kien iddikjara mal-awtoritajiet finanzjarji. Delia kien ċaħad u qal li dak kien 'client acount' li kien f'ismu bħala avukat u mhux kont tiegħu.

"Minkejja l-attakki kollha personali kontrija, ma kull ġurnata qed insir aktar konvint li l-ġlieda tiegħi hija ġlieda għas-sewwa u ġlieda għalikom. Dan il-Gvern qed jasal f'estremitajiet li konna ilna ma naraw bħalhom," sostna Delia dalgħodu fil-Mellieħa. 

Il-Kap tal-Oppożiżżjoni qal li ħa dokumenti għand il-Kummissarju tal-Puiizja li, skontu, juru illi l-firem tiegħu fuq dokumenti 'leaked' mill-FIAU kienu iffalsifikati. Hu qal li l-investigazzjoni għalhekk issa bdiet.

"Iż-żejt se jitla' f'wiċċ l-ilma u nuru l-gideb li qed isir biex jipprova (il-Gvern) jsikket lill-PN," qal Delia. 

 

More in Politika