Ma fhimtx kif se jkunu eletti aktar nisa? Il-bidliet proposti pass pass
Il-Gvern jipproponi mekkaniżmu biex jiżdiedu s-siġġijiet fil-Parlament u jimtlew mid-Deputati nisa. Iżda dan ifisser li Deputati eletti se jkollhom iċedu posthom għal kandidati nisa? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn id-dokument ta’ konsultazzjoni...
minn Yendrick Cioffi
Matul din il-ġimgħa smajna ħafna dwar kif il-Parlament jista’ jikber b’massimu ta’ 12-il siġġu bil-għan li fil-Parlament ikun hemm rappreżentanza ugwali bejn l-irġiel u n-nisa. Madanakollu ħafna qed jistaqsu jekk dan hux se jfisser li kandidati nisa se jkunu qed jieħdu post deputati oħra rġiel li jkunu ġew eletti. Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn id-dokument (Riforma: Bilanċ tal‑Ġeneru fil‑Parlament) li jinsab għall-konsultazzjoni pubblika, bil-għan li tindirizza dawn il-mistoqsijiet.
L-ewwel u qabel kollox, il-proposta li jiżdiedu sa massimu ta’ 12-il siġġu Parlamentari hija biss waħda mill-proposti li qed jimbotta ’l quddiem dan id-dokument sabiex aktar nisa jidħlu fil-politika u l-Parlament Malti jkun aktar rappreżentattiv.
Aktar milli kwoti, il-Gvern qiegħed jipproponi dak li qed jissejjaħ “Mekkaniżmu Korrettiv tal-Ġeneru” li jidħol fis-seħħ awtomatikament meta jew l-irġiel jew in-nisa, jiksbu inqas minn 40% tas-siġġijiet Parlamentari.
Filwaqt li preżentament dan il-mekkaniżmu japplika aktar għan-nisa, id-dokument jisħaq li dan huwa mmirat għas-sess “sotto-rappreżentat.” Dan ifisser li jekk fil-futur ikun hemm ċirkostanza fejn fil-Parlament ikunu eletti inqas minn 40% irġiel, l-istess mekkaniżmu jiskatta favur il-kandidati maskili.
Imma dan il-mekkaniżmu se jbiddel is-sistema elettorali preżenti?
Il-Gvern, permezz ta’ dan id-dokument, qed jinsisti li l-emendi legali li qed ikunu proposti ma jbiddlux il-proċess elettorali eżistenti. Għal kuntrarju dawn jibqgħu fis-seħħ kif inhuma u magħhom ikun inkluż dan il-mekkaniżmu.
Dan il-mekkaniżmu jidħol fis-seħħ biss meta wieħed mis-sessi jikseb inqas minn 40% tas-siġġijiet parlamentari. F’każ li jiġri hekk, dan il-mekkaniżmu jippermetti li jiżdiedu sa massimu ta’ 12-il siġġu addizzjonali, liema siġġijiet ikunu riservati għal kandidati mis-sess sotto-rappreżentat (preżentament in-nisa).
Ovvjament, dawn in-nisa jkunu kkontestaw l-elezzjoni iżda ma jkunux telgħu bil-proċess eżistenti.
F’każ li kemm l-irġiel u anke n-nisa awtomatikament jaqbżu l-40%, il-mekkaniżmu ma jkunx meħtieġ u ma jiskattax.
Imma allura x’se jiġri minn dawk il-kandidati diġà eletti? Se jkun hemm min iċedi postu għan-nisa?
Assolutament le. Ir-risposta tinsab fl-aġġettiv “addizzjonali.” Siġġijiet addizzjonali jfisser li mal-ammont ta’ siġġijiet preżenti, jiżdiedu aktar siġġijiet, jiġifieri l-membri Parlamentari preżenti jew dawk li jkunu eletti fl-elezzjoni li jmiss, mhux se jkollhom is-siġġu tagħhom mhedded.
Mhux hekk biss, talli d-dokument jispjega kif il-kandidati rġiel mhux se jkunu żvantaġġati għax, kif spjegat aktar ’il fuq, se jkollhom l-opportunità ugwali li jitilgħu bis-sistema preżenti.
Dan ifisser, li l-mekkaniżmu jidħol fis-seħħ wara li jintemm il-proċess normali tal-għadd tal-voti kif nafuh illum u jkunu eletti l-65 Deputat li jiffurmaw il-Parlament Malti. Kull wieħed minn dawn, sew jekk raġel u sew jekk mara, mhux se jkollhom is-siġġu tagħhom mittiefes.
Kif se jintgħażlu l-kandidati nisa? X’kien jiġri fl-2017?
L-ewwel u qabel kollox, jekk ikun hemm il-ħtieġa li jiżdiedu t-12-il siġġu kollha kemm huma, dawn jinqasmu awtomatikament sitta għan-naħa tal-Gvern u sitta fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni. Dan biex jekk il-poplu jkun għażel li jagħti vantaġġ ta’ ammont ta’ siġġijiet lill-Gvern, ma jkun hemm l-ebda ċaqliq fir-rieda tal-elettorat.
Dan il-mekkaniżmu korrettiv se jagħmel użu minn tliet tipi ta’ ‘voti moħlija.’
X’inhuma dawn il-voti moħlija? Fi kliem sempliċi, fis-sistema elettorali tagħna, biex tkun stabbilita kwota fuq distrett, irid ikun hemm ħames siġġijiet u wieħed. Dan ifisser li biex tkun stabbilita l-kwota, in-numru ta’ votanti f’disrett ikun diviż bejn sitta, li jfisser li dejjem ikun hemm kandidat wieħed li għal ftit jibqa’ ‘imdendel.’
Għalhekk, l-ewwel mhu se jiġu eletti biex jimtlew dawn is-siġġijiet addizzjonali, huma dawk il-kandidati ‘mdendla’ mis-sess sotto-rappreżentat (fil-każ ta’ bħalissa kandidati nisa) li ma jkunux telgħu bis-sistema preżenti.
Pereżempju, fl-aħħar elezzjoni ġenerali, żewġ kandidati nisa spiċċaw ‘imdendla’ wara l-aħħar għadd. Paula Mifsud Bonnici, li kkontestat mal-Partit Nazzjonalista fuq l-ewwel distrett, kienet il-kandidata ‘mdendla,’ b’2,749 vot. Deborah Schembri, li kkontestat mal-Partit Laburista fuq it-12-il distrett baqgħet ‘imdendla’ wara li kisbet 3,417-il vot. B’dan il-mekkaniżmu, dawn iż-żewġ kandidati kienu jiġu eletti awtomatikament biex jimlew is-siġġijiet addizzjonali.
Wara dan, ġaladarba s-sess sotto-rappreżentat bħalissa huwa dak femminili, jinfetħu wkoll il-voti ta’ dawk il-kandidati ‘mdendla’ rġiel, biex jingħaddu l-voti tan-nisa. Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, 10 distretti elettorali kellhom ‘voti moħlija.’ Sa issa, dawn huma kollha voti li ma jinfetħux.
Pereżempju fl-elezzjoni tal-2017, Josie Muscat (PN) kiseb 2,493 vot fuq it-tieni distrett. Dawn il-voti ‘moħlija’ tiegħu kienu jinfetħu biex issir elezzjoni każwali biex jingħaddu l-voti ta’ dawk il-kandidati nisa li kkontestaw mal-Partit Nazzjonalista fuq l-istess distrett. F’dan il-każ, il-kontestanti kienu jkunu Mary Bezzina u Doris Borg.
Fl-aħħar nett, jinfetħu wkoll il-voti ta’ dawk il-kandidati li jkunu ġew eletti b’elezzjoni każwali, li fis-sistema elettorali tagħna ma jkunux eletti skont il-voti li jkunu ġabu huma iżda skont il-voti l-oħra (it-tieni preferenza, it-tielet etċ) tal-kandidat li jkun ċeda postu. Din is-sistema nsejħulha ‘co-option.’
Id-dokument allura jipproponi li dawn il-voti tal-kandidati li jkunu ġew eletti b’elezzjoni każwali jinfetħu wkoll biex bihom ikunu eletti l-kandidati nisa.
Fl-elezzjoni tal-2017, Edward Zammit Lewis kien elett f’isem il-Partit Laburista b’elezzjoni każwali fuq it-tmien distrett. Għalhekk, kienu jinfetħu l-voti tiegħu, jiġifieri 3,298 vot bil-għan li jingħaddu l-voti tal-kandidati nisa tal-Partit Laburista fuq l-istess distrett. F’dan il-każ l-uniku kontestanta kienet tkun Rachel Tua.
Ovvjament, f’każ li jkunu qed isiru aktar elezzjonijiet każwali minn kemm għad fadal siġġijiet x’jimtlew min-nisa, il-kandidati nisa li jiġi eletti jkunu dawk li ġabu l-akbar ammont ta’ voti wara li jintemm il-proċess kollu tal-għadd.
X’effett se jħalli dan il-mekkaniżmu?
Id-dokument konsultattiv jidħol fid-dettall biex jispjega kif dan il-mekkaniżmu jwassal biex ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament, li bħalissa tammonta għal madwar 14%, titla’ għal madwar 40%.
Dan ifisser, li kieku dan il-mekkaniżmu kien diġà jopera fl-aħħar elezzjoni ġenerali, in-numru tad-Deputati nisa fil-Parlament Malti kien jitla’ minn 10 għal 22 Deputat.
Interessanti, li fl-istorja tal-Parlament Malti, jiġifieri fl-aħħar 72 sena, 27 mara biss irnexxielhom iservu fil-Parlament.
Rapport wara l-ieħor, kemm tal-Eurostat u anke tal-Istitut Ewropej għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneru (EIGE) poġġew lil Malta fost l-inqas pajjiżi li għandhom nisa parteċipattivi fil-politika u dan minkejja li f’Malta 60% tal-gradwati huma nisa.
X’ġara f’pajjiżi oħra?
Id-dokument iħares ukoll lejn dak li ġara f’pajjiżi oħra li inkludew il-kwoti, fejn f’pajjiżi bħall-Belġju, is-Serbja, il-Portugall, Spanja u Franza u oħrajn kien hemm żieda fl-ammont ta’ kandidati nisa li ħarġu għall-elezzjoni jew li ġew eletti wara li dawn daħlu fis-seħħ.
Id-dokument iħares b’mod partikolari lejn dak li ġara fl-Irlanda u dan minħabba diversi similaritajiet bejn iż-żewġ pajjiżi, inkluż fis-sistema elettorali.
L-elezzjoni ġenerali Irlandiża tal-2016 kienet l-ewwel waħda li fiha kienu japplikaw il-kwoti. F’din l-elezzjoni, kien hemm żieda ta’ 40% fl-ammont ta’ parlamentari nisa li ġew eletti.
Qabel din l-elezzjoni, l-għadd tan-nisa fil-Parlament Irlandiż qatt ma qabeż is-16%.
B’kollox ikkontestaw 551 kandidat. 388 kienu rġiel (70.4%) filwaqt li 163 kienu nisa (29.6%). Dan kien l-akbar numru ta’ nisa li qatt ikkontestaw elezzjoni ġenerali fl-Irlanda.
Proposta wkoll biex ikun emendat l-Att dwar il-Finanzjament tal-Partiti
Id-dokument jipproponi wkoll emendi fl-Att dwar il-Finanzjament tal-Partiti bl-għan li l-partiti politiċi jkunu jistgħu japplikaw għal fondi mill-istat biex jintużaw mill-istess partiti għar-reklutaġġ ta’ kandidati nisa, iħarrġuhom u anke jippromovuhom.
Ngħiduha kif inhi, biex aktar nisa jkunu eletti fil-Parlament, importanti li mhux biss jiżdiedu s-siġġijiet Parlamentari iżda li jkun hemm aktar nisa li jikkandidaw ruħhom.
Għalhekk, din il-proposta hija intiża wkoll biex il-partiti jippruvaw joffru kandidatura bbilanċjata.
Il-partiti politiċi se jkunu obbligati li jagħtu rendikont finanzjarju annwali lill-Kummissjini Elettorali u li fih jispjegaw kif qed jintużaw dawn il-fondi.
...mela r-responsabbilitajiet tal-Kummissjoni Elettorali jridu jkun estiżi
Ġaladarba l-partiti politiċi li japplikaw għal dawn il-fondi jridu jagħtu rendikont annwali lill-Kummissjoni Elettorali, dan ifisser li r-responsabbilitajiet tagħha jeħtieġ li jkunu estiżi.
Għalhekk, id-dokument jipproponi li l-Kummissjoni Elettorali tkun obbligata li kull sena tagħmel awditjar dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneru f’dawk il-partiti politiċi li jagħżlu li japplikaw għal fondi mill-istat.
L-istess Kummissjoni, se tkun obbligata li tippubblika l-evalwazzjoni tagħha f’rapport annwali fejn tagħti stampa ċara tal-inizjattivi u miżuri li l-partiti jkunu ħadu biex jippromovu l-ugwaljanza fil-politika.
Il-Kummissjoni tkun tista’ tagħmel ukoll r-rakkomdazzjonijiet tagħha.
Ġaladarba se jkollha dan l-irwol, ma jagħmilx sens li din il-Kummissjoni tkun magħmula minn irġiel biss jew maġġoranza assoluta ta’ rġiel u allura d-dokument konsultattiv jisħaq li din għandha tkun rappreżentattiva taż-żewġ sessi.
Biex dan isir malajr kemm jista’ jkun, id-dokument jipproponi li l-membri tal-Kummissjoni jiżdiedu.
Tinħoloq Kummissjoni għal mainstreaming tal-ġeneru fil-Parlament
Il-Kumitat Tekniku li ħadem fuq dan id-dokument qed jipproponi wkoll li l-Ispeaker jaħtar Kummissjoni biex tfassal Pjan Strateġiku u li xogħolha jkun li tassigura:
- Kuxjenza dwar il-ħtieġa tal-mainstreaming tal-ġeneru fil-liġijiet u l-policies
- Li n-nisa jkollhom rappreżentanza xierqa fil-Kumitati Parlamentari
- Li jaddotta politika kontra d-diskriminazzjoni u l-fastidju
- Li l-Parlament ikollu politika istituzzjonali kontra l-fastidju sesswali
- Li l-Parlament joffri servizz ta’ nursery u anke kmamar għall-familja
- Skeda ta’ laqgħat fejn is-sigħat ikunu addattati għall-Membri Parlamentari
- Tiġi diskussa l-possibbilità li l-back benchers ikollhom l-opportunità li b’mod volontarju jagħżlu li jaħdmu full-time.
Ġaladarba dan id-dokument jipproponi wkoll emendi Kostituzzjonali, dwar dawn ikun hemm bżonn l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
‘Ma għandux ikollna diskriminazzjoni favur in-nisa’ - Mary Anne Lauri
Il-pożizzjoni tiegħi fuq il-kwoti minn dejjem kienet ċara. Jekk in-nisa u l-irġiel huma ndaqs u kapaċi l-istess, allura ma għandux ikollna diskriminazzjoni favur in-nisa. Nistgħu nsejħulha b’ħafna ismijiet imma xorta tibqa’ diskriminazzjoni favur il-mara.
Hawn ħafna li huma favur din il-miżura u għandhom raġunijiet validi.
Xorta, jiena, bħala mara, inħoss li din se sservi ta’ skuża għal dawk li ma jemmnux li n-nisa u l-irġiel huma kapaċi indaqs biex jgħidu: “Dik qiegħda f’dik il-pożizzjoni minħabba l-kwoti.”
Hemm min din ma ddejqux. Lili ddejjaqni. Dan ma jfisser xejn. Idejquni ħafna affarijiet fil-ħajja. Xi wħud lesta niġġieled għalihom. Oħrajn le.
Il-kwoti huma xi ħaġa li mhux lesta niġġieled għalihom jew kontra tagħhom. J’Alla għandi żball jien. J’Alla din il-miżura twassal biex iżjed nisa jkunu f’pożizzjoni fejn jistgħu jieħdu deċiżjonijiet effettivi. J’Alla leħen ‘il mara jinstema’ u jiġi stmat.
‘Mekkaniżmu intelliġenti li jwarrab id-diskriminazzjoni’ - Godfrey Pirotta
Is-sistema politika li nħaddmu hija magħrufa bhala demokrazija rappreżenattiva u dawk eletti rappreżentanti tal-poplu. B’dan infissru li għandu jkun hemm rappreżentanza xierqa tal-poplu kollu.
Fil-mixja lejn id-demokrazija kien hemm dibattiti jaħarqu ta’ kif il-poplu kollu seta’ jkun irrappreżentat fil-Parlament u d-dinja tgawdi minn sistemi elettorali differenti. Dawk li kienu kontra rappreżentanza ġusta ħadmu biex jitwaqqfu strutturi u mekkaniżmi li jivvantaġġjaw minoranzi bħan-nobbli u l-kleru, bħas-Senat, biex ikomplu jgawdu poter a skapitu tal-poplu.
In-nisa qajla ġew ikkunsidrati minkejja li dejjem ammontaw għal madwar nofs il-popolazzjoni u lanqas gawdew mid-dritt għall-vot. Hawn min jgħid li dawk kienu żminijiet oħra. Illum ukoll huwa żmien ieħor. Daħħalna mekkaniżmi biex biex ikun hemm proporzjonalità bejn il-partiti.
Issa wasal iż-żmien li nagħmlu dan biex ikun hemm iktar propozjonalità bejn is-sessi. F’Malta qed jiġi propost mekkaniżmu temporarju biex din il-proporzjonalità tintlaħaq. Huwa mekkaniżmu li ma jbiddilx il-proċess preżenti imma jwessgħu. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, dan huwa mekkaniżmu intelliġenti li jwarrab kull elementi ta’ diskriminazzjoni biex jilħaq għan ġust.
'Proposti li se jfissru demokrazzija sħiħa u ġusta' - Lorraine Spiteri
Għal xi ħadd bħali li ilni iżjed minn 35 sena naħdem u nippromwovi l-importanza li jkun hemm bilanċ fil-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel fejn jittieħdu d-deċizjonijiet l-iktar importanti għall-pajjiż, inħossni kuntenta ħafna flimkien ma’ nisa, u anke rġiel, li fhemu li biex ikollna demokrazija sħiħa f’pajjizna irid ikollna kemm irġiel u kemm nisa fil-Parlament.
Dak li qiegħed jiġi propost huwa pass kuraġġuż u li kellu bżonn jittieħed illum qabel għada għax ma nistgħux nibqgħu nitilfu tant riżorsa importanti meta nafu li hawn nisa kapaċi daqs kemm hawn irġiel, imma ġeneralment in-nisa għandhom numru ta’ ostakli x’jegħlbu meta mqabbla mal-irgiel biex jirnexxilhom ikissru dak is-saqaf tal-ħġieġ u jaslu sal-għola istituzzjoni ta’ pajjiżna.
Din hija miżura pożittiva temporanja li matul is-snin hija mistennija li tistabbilixxi il-bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa b’tali mod li ma jkunx hemm bżonn żieda ta’ siġġijiet għax il-bilanż iseħħ b’mod naturali. Nistennew dibattitu nazzjonali bi proposti u kritika kostruttiva li jwassalna biex ikollna demokrazzija sħiħa u ġusta.